Matthew Xuereb, Kurt Sansone u Neil Camilleri huma t-tliet ġurnalisti li nħatru biex iservu fil-“Kumitat tal-Esperti” li llum ħabbar il-gvern “bl-iskop li jiġi mgħarbel il-ġurnaliżmu u l-qasam tax-xandir f’Malta, biex jiġu indentifikati l-oqsma li jeħtieġu żvilupp u biex isiru rakkomandazzjonijiet lill-Prim Ministru”.

Xuereb, Sansone u Camilleri ilkoll huma validi. Dawn ħadmu fil-qasam tal-ġurnaliżmu għal snin twal. Uħud minnhom ta’ sikwit sabu ruħhom taħt pressjoni u kienu vittmi tat-theddid li jiġu wiċċ imb wiċċ miegħu l-ġurnalisti indipendenti f’pajjiżna. M’hemmx dubju li dawn ser jagħmlu ħilithom biex isemmgħu leħinhom u jwasslu l-fehmiet tagħhom.

Il-president tal-Kumitat l-eks Imħallef Michael Mallia mistenni li jagħtihom l-ispazju kollu li jeħtieġu biex isemmgħu leħinhom. Kien hu li mexxa l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Inkjesta li kellha l-ħila li tisma’ x-xhieda, kif ukoll li tirrikonoxxi u li tiġbed il-konklużjonijiet dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-assassinju ta’ ġurnalista f’Malta. Il-bord tal-inkjesta huwa mexxieh b’mod impekkabbli u għaldaqstant jidher li ser ikompli fejn kien ħalla.

Ma nistax ngħid l-istess affarijiet għall-bqija tal-membri li ġew maħtura fil-Kumitat. Ilbieraħ ktibt dwar il-ħatra ta’ Saviour Balzan u tajt ir-raġunijiet tiegħi l-għala, jekk kien hemm bżonn li noqgħod infakkar, il-pariri li dan jista’ jagħti dwar l-eliminazzjoni ta’ kawżi vessatorji u dwar l-abbuż tal-kawżi ta’ libell minn sinjuruni giddieba, u dwar il-tħaris tal-ġurnaliżmu etiku mir-regħba kummerċjali u partiġġjana minnhom innifishom huma theddida għal-libertà tal-istampa.

Fil-Kumitat inħatar ukoll l-avukat Kevin Dingli, bniedem li jien ma nafux u qatt ma ltqajt miegħu, iżda li għandi nifhem jafuh Matthew Xuereb u Kurt Sansone, li huma l-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u dan minħabba l-fatt li Dingli jmexxi l-Kummissjoni tal-Etika fl-Istampa tal-istess Istitut. M’għandix idea x’wettqet il-Kummissjoni kemm ilu jmexxiha Dingli u m’iniex żgur l-għala huwa kunsiderat bħala espert fis-suġġett. Nittmaw li nsiru nafu meta jibda’ x-xogħol tal-Kumitat kemm-il darba d-deliberazzjonijiet ma jsirux fil-magħluq. Kulma naf dwar Kevin Dingli hu li dan imexxi ditta legali li ukoll tbiegħ il-passaporti. 

Dan li ser nikteb mhuwiex kumment li hu msejjes fuq rimarki li saru minn Dingli: ma jidhirlix li dan tkellem pubblikament. Dejquni l-kliem li kien stqarr f’Awwissu li għadda l-President George Vella meta deher li kien qed jalludi għall-ħolqien ta’  “struttura nazzjonali regolatorja (biex jiġi infurzat?) ir-rispett lejn l-etika u l-livelli għoljin (fil-qasam tal-ġurnaliżmu)”. Kliemu bħal donnu kien qed jalludi għall-ħolqien ta’ awtorità uffiċjali ta’ ċensura li tkun kontrollata mill-gvern u li jkollha s-saħħa li  tiddieċiedi dwar kwistjonijiet li jinqalgħu dwar l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-libertà tal-kelma.

Nista’ nagħmilha tal-egoċentriku u nitħasseb dwar kif jien nista’ nkampa flimkien struttura regolatorja nazzjonali li jkollha s-setgħa li tiddeċiedi dwar jekk xogħli jammontax jew le għal ġurnaliżmu u dwar jekk jien għadni eliġibbli għal dan ix-xogħol. Parti minn din l-egoċentriċità hi msejsa fuq il-fatt li hemm ġurnalsti li jidhrilhom li jien ma nistax nissejjaħ ġurnalist.

Iżda l-għan tiegħi hawn mhuwiex li noqgħod nikteb fuqi nnifsi. Il-kwistjoni ewlenija hi din: il-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia kienu jgħaddu mill-għarbiel ta’ regolatur nazzjonali? Nissuspetta li f’moħħ George Vella li kieku kienet teżisti awtorità regolatorja fiż-żmien meta Daphne kienet għadha mimlija bil-għomor, din l-awtorità kienet tasal biex twaqqafha milli tkompli tikteb.

Nittma li dan mhux ser ikun l-effett ironiku tat-tagħlima li suppost ħadna mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dakinhar li l-President George Vella tkellem dwar din l-“istruttura regolatorja nazzjonali” biex tgħarbel il-ħidma tal-ġurnalisti u tal-ġurnaliżmu, Matthew Xuereb u Kurt Sansone kienu fost l-udjenza. Għandi għalxiex naħseb li l-kuntest ta’ konverżazzjoni mal-Kap tal-Istat – bniedem li rtira mill-politika attiva u li m’għandu ebda awtorità eżekuttiva u morali – żammhom milli jitkellmu dwar fehmithom. Jekk il-kwistjoni terġa’ titqajjem, nistenna li għandhom jitkellmu kontra l-idea bil-qawwa kollha.

Il-kwistjoni tkun trid ukoll tiġi diskussa ma’ żewġ professuri li nħatru wkoll fuq il-Kumitat, jiġifieri Carmen Sammut u Saviour Formosa. Dwar dawn it-tnejn ninsab xi ftit inkwetat għaliex, bħal fil-każ ta’ Kevin Dingli ma nafx kif jaħsibha dwar il-libertà tal-istampa. Ninsab inkwetat għaliex naf x’inhi l-fehma ta’ dawn it-tnejn dwar il-liberta tal-istampa.