Ilbieraħ tan-Newsbook irrappurtaw li l-General Workers’ Union issospendiet lill-editur tal-ġurnali tagħha l-orizzont u It-Torċa milli jidher minħabba disgwid li nħoloq dwar kitbiet li huma kritiċi fil-konfront tal-Partit Laburista. Id-dettalji għadhom qed joħorġu u l-editur innifsu – Victor Vella – għadu m’għamel ebda stqarrija. Iżda jekk wieħed iħares aktar fil-qrib lejn dak li seħħ, toħroġ stampa li qed toħloq tħassib serju.
L-orizzont u It-Torċa ċertament mhumiex għodda tal-propaganda tal-PN. Lanqas jista’ jingħad li huma newtrali. L-appoġġ li jagħtu lill-Partit Laburista u lill-gvern huwa ċar. Uħud mill-artikli li jixxandru kull nhar ta’ Ħadd, u xi kultant aktar spiss matul il-ġimgħa, ikollhom ritratti ta’ Owen Bonnici u ta’ Julia Farrugia li ma kienu jistunaw xejn kieku kellhom isibu ruħhom mxandra fil-gazzetta uffiċjali tal-Partit Komunista tal-Korea ta’ Fuq. Li kieku kont xi aljen u tifhem xi ftit lill-bnedmin ta’ din id-dinja billi taqra biss it-Torċa, kont forsi tasal biex temmen li Owen Bonnici huwa xi pijunier tal-ispazju, jekk mhux ukoll xi messija.
Kont ħriġt b’saħħa kontra d-deċiżjoni tal-ġurnal tiegħu li jxandar ritratt antik ta’ Pia Zammit bl-iskop li jpinġiha bħallikieku hi xi Nażista u mhux attivista li taħdem għall-ġustizzja. F’dan il-każ kien żgarra bl-ikrah. Iżda dejjem jekk l-aħbarijiet li ħerġin mill-General Workers’ Union huma minnhom, is-sospenzjoni ta’ Victor Vella m’għandha xejn x’taqsam ma’ dik id-deċiżjoni żbaljata li kien ħa.
Kif tistgħu timmaġinaw, jien m’iniex xi wieħed minn dawk li għandi xi grazzja ma’ tal-orizzont jew tat-Torċa.
Iżda jkolli nammetti li l-fehmiet u l-apprezzamenti ta’ Victor Vella fejn jidħol il-faqar u d-diskriminazzjoni razzjali, l-preġudizzji razzjali u l-konsegwenzi mdemmija ta’ politika populista dwar il-migrazzjoni, ta’ sikwit sibt li huma sinċieri, kompetenti, bla tlaqliq u intellettwament onesti.
Kien appuntu dan li kont ktibt sena ilu meta l-orizzont kienet xandret editorjal dwar ir-ripatrijazzjoni furzata tal-migranti. F’April tal-2020, il-gvern Malti u l-armata tiegħu abbandunaw migranti f’nofs baħar bil-periklu li jmutu mgħarrqin bil-ġuħ u bil-għatx. Dak iż-żmien it-Torċa għamlet mistoqsijiet dwar l-umanità bażika tagħna.
Minn rapporti mhux konfermati minn ħdan il-General Workers’ Union, jidher li t-tmexxija tal-Union hi tal-fehma li l-ġurnali tagħha m’għandhomx ikomplu jxandru stejjer dwar faqar, esklużjoni soċjali, l-prekarjat, ir-razziżmu popolari jew istituzzjonali u dwar kwistjonijiet umani oħra ta’ natura xellugija li wieħed għandu jistenna li jingħataw prominenza minn ġurnal li s-sid tiegħu hi trade union.
Dan pajjiżna ilu għal 80 sena iħoss diżappunt wieħed wara l-ieħor bl-imġiba tal-General Workers’ Union. Ilu jingħad għal snin twal li l-Union aktar jinteressaha li taqdi lill-Partit Laburista milli l-interessi tal-membri tagħha, aħseb u ara kemm ser jimpurtaha mill-emarġinati u mill-esklużi tas-soċjetà tagħna. M’hemmx għalfejn nirrepeti li s-sens ta’ sigurtà falza li qed toffri din il-Union qed tagħmilha aktar diffiċli għal dawk li m’għandhomx vuċi li jsemmgħu leħinhom u dan għaliex Union li suppost titkellem għalihom qed tibqa’ b’fommha sieket.
B’dan il-każ ta’ Victor Vella, inżilna skaluna oħra lejn il-qiegħ. Jekk il-fatti huma tassew kif qed nifhmuhom, jidher li l-General Workers’ Union (u s-sid veru tagħha, jiġifieri l-Partit Laburista) mhux biħsiebhom jittolleraw ebda ċaqliq mid-delużjoni tan-Nirvana Taħt il-Labour li qed jippruvaw ibellgħulna l-mezzi tal-propaganda tal-gvern.
Il-Pravda ma jistgħux jerħulha ttappan l-illużjoni li qed ngħixu f’ġenna tal-art billi jixxandru kitbiet dwar il-faqar li, wara kollox, hu realtà li kulma jmur dejjem qed jikber f’soċjetà fejn il-qasma soċjali qed tiżdied minflok tiċkien. U, forsi aktar importanti għall-gvern, kull ġurnal li juri tħassib dwar ir-razziżmu u dwar id-diskriminazzjoni razzjali ikun qed jammetti realtà li l-awtoritajiet jixtiequ li jitgħatta: jiġifieri li fostna f’Malta hawn minoranzi li l-ebda politika ta’ esklużjoni soċjali, l-ebda sforz biex terħihom jegħrqu jew li treġġagħhom lura lejn il-Libja, l-ebda indifferenza istituzzjonalizzata jew agħar, ma tista’ tħassar kompletament.
Tan-Newsbook qalu li Victor Vella se jiġi mgħoddi minn proċess dixxiplinarju. M’għandniex xi ngħidu, jista’ jkun li ma nafux il-fatti kollha dwar il-każ. Iżda jekk hu minnu li l-fehma li l-ġustizzja soċjali m’għandha teskludi lil ħadd, speċjalment lill-foqra jew l-iżvantaġġati għax inzertaw twieldu band’oħra, l-General Workers’ Union ser tgħaddiha minn għarbiel, allura l-hekk imsejjaħ moviment Laburista sar wieħed faxxist bl-għeruq u x-xniexel.