Madwar 15-il xahar ilu kont għamilt mistoqsija dwar kif Robert Abela kien sar daqshekk sinjur. Issa jidher li bdew jinbtu t-tweġibiet.

Din hi t-tifsira tal-istorja li xandret illum is-Sunday Times of Malta.

F’mill-inqas każ wieħed li sirna nafu bih s’issa, Robert Abela kien ħareġ kont lil klijent għal servizzi legali b’mod mill-aktar kreattiv. Meta tingħata servizz, tirċievi kont u tħallsu. Dan għaliex flusek m’għandhom xejn ħażin għax tkun qlajthom bl-għaraq ta’ ġbinek mix-xogħol jew min-negozju tiegħek u tkun ħallast it-taxxa fuq il-qligħ. Kull darba li tħallas għas-servizz, tħallas bi flus nodfa u tħallas ukoll il-VAT. M’għandekx x’taħbi. Min ikun forniek bis-servizz imbagħad jgħaddi l-VAT li int tkun ħallast lill-awtoritajiet u jħallas ukoll it-taxxa fuq il-profitti li jkun għamel mis-servizz li jkun tak. Dak huwa li jseħħ kull meta l-affarijiet isiru sewwa.

Iżda jekk int kriminal u l-flus li tħallas bihom ikunu ġejjin mis-serq jew minn attivitijiet kriminali a skapitu ta’ xi ħadd ieħor, l-affarijiet jafu jikkumplikaw ruħhom. Ma tistax tħallas b’dawn il-flus u min jagħti s-servizz ma jistax jilqagħhom f’idejh. Dan għaliex jiġi żmien li fih l-awtoritajiet ser jistaqsu: “dawn il-flejjes kollha minn fejn ġew?”. Ċertament ma tkunx trid lill-awtoritajiet ideffsu mneħirhom għaliex ikunu jistgħu jxommu d-delitti kriminali li tkun wettaqt biex qlajt dawk il-flejjes.

Għaldaqstant x’jagħmel il-kriminal sinjurun biex ma jinqabadx? Ibigħ il-proprjetà lill-avukat tiegħu bi prezz li jkun baxx ħafna. U l-avukat imbagħad ibigħ l-istess proprjetà bi prezz tas-suq u jżomm f’butu d-differenza.

Din id-differenza hi l-miżata li titħallas lill-avukat mill-kriminal sinjurun. Effettivament ma jkunux għaddew flus bejn il-kriminal u l-avukat. Iżda jeżisti bonus għaliex fuq bejgħ ta’ proprjetà titħallas madwar 5% taxxa minflok l-ogħla rata ta’ taxxa fuq id-dħul. U m’hemmx ħlas ta’ VAT.

Mhux hekk biss. F’każ bħal dan, l-avukat jaf jitħallas ukoll rati ogħla mingħand il-klijent kriminal talli jkun qdieh b’dan il-mod. Li jfisser ukoll li l-avukat ikun qed igawdi wkoll mill-kriminalità u allura jkun kompliċi fl-istess kriminalità. L-avukat din jaf iħares lejha minn lenti differenti.

Biex jiġi ġustifikat dan kollu, tgħidx kemm nisimgħu argumenti mimlijin sofistrija. Iżda ejjew inkunu ċari dwar l-implikazzjonijet veri. Robert Abela huwa t-tieni prim ministru in fila li jinsab implikat personalment fit-twettiq ta’ delitti kriminali. U waqt li kienet ħierġa din l-istorja, sirna nafu minn rapport imxandar fil-Malta Today li, fiż-żmien li fih Robert Abela kien qed jagħmel dawn il-praspar, il-kap tad-dipartiment tat-taxxi interni kellu relazzjoni nieqsa ferm mill-etika ma’ persuni li għandna suspett raġjonevoli li huma kriminali. Din hi storja li ċertament hi fl-interess pubbliku. U ma tnaqqas xejn mis-sinifikat tal-fatt li l-prim ministru ta’ pajjiżna jidher li ħasel flejjes maħmuġin ma’ jew għal allegati kriminali.

15-il xahar ilu kont ktibt li Robert Abela hu sinjurun kbir u li għandu jispjega kif, ta’ 43 sena biss, sar miljunarju. M’għandniex xi ngħidu, ma ta ebda spjegazzjoni. U dan għaliex ma setax jagħti spjegazzjoni.

Ara ma tmorrux taħsbu li l-istorja li għadha kemm inkixfet b’xi mod ser iġġiegħlu jistħi. Dalgħodu, tal-One Radio xlew lil tas-Sunday Times of Malta li xandru storja li hi bla bażi u – bilkemm titwemmen din! – li tattakka lill-ġurnaliżmu.

Iżda dak li qed iseħħ minn wara l-kwinti huwa dan li ġej. Lil Robert Abela, Joseph Muscat qed iwissih li għandu s-saħħa li jagħmlu trietaq kemm-il darba hu u l-kompliċi sħabu jiġu esposti għal xi azzjoni mill-pulizija. U lill-whistleblowers Robert Abela qed iwissihom li jekk jażżardaw jiftħu ħalqhom, isib mod kif jiskreditahom.

Din is-sitwazzjoni tfakkarni fix-xena truel f’The Good, The Bad and The Ugly. Tliet revolvers u tliet tiraturi gwappi. Hi ħaġa ċerta li ser imut dak li jispara lejn wieħed miż-żewġ tiraturi l-oħra għax ikun intlaqat mit-tielet tiratur. F’qiegħ qabar mingħajr isem, minflok teżor mimli liri tad-deheb, hemm ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Jidher li din ir-reputazzjoni f’qiegħ dak il-qabar ser tibqa’.