Sur Desmond Zammit Marmara, nies bħali u bħalek li nemmnu bis-sħiħ fid-demokrazija jeħtieġ li darba għal dejjem naċċettaw il-fatt li d-destin tagħna jinsab f’idejn dawk li int sejjaħtilhom “idjoti bla moħħ”. Bi ħsiebni wkoll nuża l-kliem tiegħek stess biex infisser kif ikunu dawk fostna li mhumiex idjoti bla moħħ: jiġifieri l-“intellettwali”. Skont int, din mhix xi tifsira elitista iżda waħda dwar min m’huwiex bla moħħ.

Jekk int rasek mistrieħa li għandek moħħ biex taħseb, tieħodhiex kontra tiegħi jekk jien nagħmel bħalek. Iżda hawn mhux bi ħsiebni nikteb fuqi nnifsi. Bi ħsiebni nikteb fuqek. U peress li int m’intix wieħed ta’ bla moħħ u tqis lilek innifsek bħala wieħed mill-“Laburisti intellettwali” –  aħfirli jekk taqbadni għaxwa ċkejkna malli nisma’ kontradizzjoni bħal din – l-artiklu tiegħek ta’ dalgħodu li xxandar fit-Times of Malta jeħtieġ li wieħed igħarblu sewwa. Bħala bniedem li tqis lilek innifsek b’intellettwali, għandek id-dmir u r-responsabbiltà li dak li tikteb tiktbu bis-sens.

Fi ftit kliem, int irraġunajt bil-mod li ser insemmi (araw l-artiklu hawn):

  1. Int ktibt li m’għandek xejn x’taqsam ma’ intellettwali Laburisti li int xħett f’żewġ kategoriji. Fl-ewwel kategorija hemm dawk li tqażżu b’dak li qed jagħmel il-Partit Laburista iżda li – bil-maqlub għal dak li qed tagħmel int – jippreferu li jsoddu ħalqhom għax jibżgħu li l-Partit jista’ jirriskja li jitlef is-setgħa. Fit-tieni kategorija hemm dawk li, hu x’inhu l-intellett li għandhom, qed jgħumu fil-ħama u fit-tajn li jqażżeż lil dawk li jaħsbuha bħalek, u li fi kliem ieħor huma jew idjoti bla moħħ libsin ta’ intellettwali jew inkella gradwati tal-università li huma mċappsin bil-korruzzjoni.
  2. Fil-Partit Laburista hemm aktar idjoti bla moħħ milli hemm intellettwali u għaldaqstant, minkejja l-ambizzjonijiet ideoloġiċi ta’ nies bħalek, il-Partit jinsab miexi fit-triq li jriduh jimxi fiha l-idjoti u mhux fit-triq li int jidhirlek li għandu jimxi fiha.
  3. Talli ażżardajt tiftaħ ħalqek u kkritikajt lill-Partit Laburista, sibt ma’ wiċċek azzjonijiet ta’ tpattija u ta’ intimidazzjoni u b’hekk ingħataw raġun dawk il-ġwejjef  li saddew ħalqhom għax beżgħu mill-konsegwenzi li kieku kellhom jagħżlu li jiftħu ħalqhom.
  4. Is-setgħa tal-Labour ma tridx taraha titnaqqas, se terġa’ tivvota lill-Partit Laburista fl-elezzjoni li ġejja u tixtieq li ħaddieħor jagħmel bħalek.

Jekk int taħseb li f’dawn il-ħsibijiet teżisti xi sekwenza loġika, postok huwa mat-tliet kategoriji f’daqqa u dan minkejja l-fatt li ktibt li int m’għandek xejn x’taqsam magħhom. Imqażżeż kemm tinsab inqażżeż bil-Partit Laburista, int tinsab beżgħan jekk ma tibqax tagħtih l-appoġġ. Tinsab kemm tinsab diżappuntat li l-Partit Laburista llum m’għadux laburista, xorta waħda bqajt ixxejjer il-bandiera tiegħu u xorta waħda bqajt tħeġġeġ lin-nies jivvutawlu. Kbir kemm jista’ huwa kbir l-intellett tiegħek – u kbir kemm jidher kbir dan l-intellett paragunat ma’ dak li għandhom l-idjoti ta’ bla moħħ – xorta bqajt ħaġa waħda magħhom bit-tir li tikkonservalhom is-setgħa.

Int u tagħmel dan, fi kliemek stess, qed tkompli tappoġġja l-politika “populista”, il-“gimmicks” bħalma hu ċ-ċekk ta’ €100 lil kulħadd u dan minflok it-tfassil ta’ politika li twassal biex il-ġid jitqassam b’mod aktar ġust u, għaġeb tal-għeġubijiet, “aktar korruzzjoni fil-ħajja pubblika u b’isem  pajjiżna jkompli nieżel fil-ħama kemm lokalment kif ukoll f’għajnejn id-dinja.”

Lil dawn l-idjoti ta’ bla moħħ – kien hemm ukoll min għajjarhom Ġaħan – int xlejthom li għarrqu lill-pajjiż fil-ħmieġ u fil-ħama sforz l-imġiba tagħhom. U, minkejja dan, m’għandekx il-ħila li tagħmel użu mis-setgħa li jagħtik il-vot, mill-intellett li tippretendi li għandek, mill-eżempju ta’ politiċi Laburisti tal-imgħoddi u l-kuntatti li għandek fosthom u mit-twemmin politiku tiegħek u dan bil-għan li ġġib il-bidla.

Il-platt li għandek quddiemek iqażżek, qed tirrimetti fih, iżda qed tikkonvinċi lilek innifsek pubblikament li m’għandek ebda għażla ħlief li tiekol dak li hemm fil-platt, bir-remettar b’kollox.

Fi ftit kliem, l-idjota ta’ bla moħħ mhuwa ħadd ħlief int stess.

U sakemm int issegwi l-konklużjoni loġika tal-premessi tiegħek, idjota bla moħħ ser tibqa’.

Ġaladarba l-Partit Laburista qed iqażżek, qed jittradixxi t-twemmin tiegħek u fih qed issaltan maġġoranza li qed tkaxkrek lejn irkejjen li ma tixtieqx tmur fihom, f’demokrazija jibqagħlek biss żewġ għażliet: jew tivvota għal partit ieħor jew inkella arma partit għalik.