Roberta Metsola, il-President il-ġdida tal-Parlament Ewropew, ilbieraħ żaret il-post fejn f’Ottubru 2017 ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia. Roberta Metsola għamlet bħalma kienu għamlu l-predeċessuri u kollegi tagħha li jservu fl-ogħla karigi tal-istituzzjonijiet Ewropej. Żjara bħal din kellha tkun waħda nieqsa mill-kontroversji. Iżda f’pajjiżna l-kontroversji ma jistgħux jonqsu għaliex il-prim ministru ta’ Malta sal-lum għadu tal-fehma li mhuwiex dinjituż għalih li jżur il-post tal-assassinju sabiex jagħti l-qima tiegħu u sabiex iħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu jappoġġjaw lill-ġurnalisti u mhux iqisuhom bħallikieku huma xi għedewwa li ħaqqhom li jinqatlu. Ir-ras iebsa li għandu qed tkattar il-mibgħeda u l-firda fil-pajjiż għalkemm, sforz il-mentalità perversa ta’ wħud, il-firda taħti għaliha Roberta Metsola talli din ażżardat iżżur il-post tal-assassinju u mhux Robert Abela talli dan baqa’ sal-lum jirrifjuta li jagħmel dan.

Fil-Facebook hemm mijiet ta’ kummenti mimlijin ħdura u mibgħeda. Fir-ritratt li jidher hawn taħt jidhru wħud mill-kummenti li ttieħdu mill-Facebook page tan-Newsbook iżda hemm ukoll kummenti simili oħrajn f’paġni oħra wkoll. L-ewwel messaġġ – m’hemmx dubju li hu wieħed miftiehem minn qabel – hu li Roberta Metsola hi ipokrita għaliex ma żaritx lil Karin Grech (hawn forsi qed jalludu għall-post fejn kienet inqatlet): hawn qed jirreferi għal bint politiku li kienet inqatlet fl-1977 b’ittra bomba li x’aktarx kienet intenzjonata għal missierha. Dan l-argument, jiġifieri li Karin Grech hi “tal-Laburisti” u Daphne Caruana Galizia “tan-Nazzjonalisti”, ifisser li f’dan il-pajjiż, skont ċerti mentalitajiet perversi, ma tistax tfakkar l-assassinju ta’ ġurnalista jekk ma tinżilx għarrkupptejk ukoll quddiem l-altar tan-narrativi storiċi werċin tal-Labour.

Wieħed mill-għorrief li għamel kumment sa wasal kien kiteb li biż-żjara fl-għalqa fejn inqatlet Daphne setgħet ġiet kaġunata ħsara lill-uċuħ tar-raba’ miżrugħin fiha. Issa s-sabiħa hi li dawn huma l-istess nies li lanqas biss tgħaddilhom minn moħħom li jiktbu xi kumment meta tunnellati sħaħ ta’ materjal jintefgħu fir-raba’ għall-benefiċċju tal-kaċċaturi jew meta xi ġnien jiġi konvertit f’ġungla tal-konkos minn xi ministru tal-gvern li ma jkollux x’jagħmel. Bis-saħħa ta’ ħdura bħal din, iridu jwasslu l-messaġġ li min jibqa’ jinsisti li titfakkar Daphne u jinsisti li għandha ssir ġustizzja ma’ min qatilha, ikun qed ikattar il-mibgħeda u l-firda. Jiġifieri li jeħtieġ li nġibu ruħna bħan-nagħaġ u nitkellmu biss – saħansitra anki l-President tal-Parlament Ewropew – meta jordnaw huma għax inkella nitqiesu bħala għedewwa mimlijin mibgħeda lejn pajjiżna.

Jekk tassew irid, dan il-ġenn kollu jista’ jwaqqfu l-prim ministru billi jagħmel dmiru u jġib l-għaqda fejn hemm il-firda. Lin-nies tiegħu għandu jgħidilhom ċar u tond li mhumiex iġibu ruħħom skont is-sewwa. Minflok, il-qaddejja tiegħu qed ixerrdu messaġġi miftiehma minn qabel biex jassiguraw li l-ħdura u l-mibgħeda jibqgħu jirrenjaw.