Din li ġejja hija l-konklużjoni (maqluba għall-Malti) li jien slitt minn kitba li xxandret fuq website Amerikan li jispeċjalizza f’suġġetti marbutin mal-politika barranija, l-International Policy Digest:
Il-marda tal-korruzzjoni tant infirxet f’Malta li l-gvern tilef il-kontroll tagħha partikolarment minħabba l-fatt li huma l-mexxejja tal-pajjiż li jaħtu għall-korruzzjoni li teżisti. Hekk kif negozji barranin f’Malta qed ikomplu bil-pjanijiet tagħhom li jbewġu ‘l barra mill-gżira, uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qed jittamaw li s-sanzjonijiet tal-FATF ser ikunu strumentali biex inaqqsu l-mewġa ta’ kriminalità għax inkella ser jinħolqu dubji dwar it-tkomplija tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Nammetti li din hi biss l-opinjoni ta’ min kitibha fil-website. Madankollu jidher li ninsabu fi stadju li fih qed jinħolqu dubji dwar il-vijabilità ta’ Malta bħala stat sovran. Dawn huma kwistjonijiet ta’ natura eżistenzjali li, kemm ilha li kisbet l-indipendenza politika, Malta għadha ma ffaċċjathomx. Fl-imgħoddi, problemi kellna kemm trid. Kellna problemi li nibtu minħabba n-nuqqas ta’ diversità ekonomika jew minħabba t-transizzjoni minn ekonomija msejsa fuq l-infiq militari għal waħda bażata fuq il-manifattura.
Dawn it-transizzjonijiet x’aktarx li dejjem ħarġuna minn xenarju wieħed u daħħluna dritt f’ieħor.
X’inhu l-pass li jmiss? Taħsbu li Robert Abela għandu xi rieda li jarmi l-baħar dak kollu li dejjem fehem dwar kif taħdem id-dinja u jmexxina biex issa nagħmlu dan il-pass?
Serjament taħsbu li l-għaref Bobby, l-avukat tad-delinkwenti, tal-kriminali u tal-qarrieqa, f’ħakka t’għajn ser jirnexxilu jikkonvinċi lid-dinja li jista’ jirrappreżenta l-ħerqa ġdida li għandna biex nimxu b’mod korrett fejn għandhom x’jaqsmu s-servizzi finanzjarji, il-ħlas tat-taxxi u l-kapitaliżmu etiku?
Robert Abela ma jistax jinfatam minn ma’ Joseph Muscat. Iżda l-problemi li jeżistu fit-tmexxija tal-Labour imorru aktar lura fis-snin. Mhux ser insemmi lil Dom Mintoff, iżda ser mmur lura għal żmien dak li sal-lum għadu jirrappreżentana fil-Parlament Ewropew.
Alfred Sant ta’ sikwit kien imur fuq it-televiżjoni biex jipperswadina li Malta ma jaqblihiex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Kien jispjegalna li kellu l-ħila li jipperswadi lill-Ewropej sabiex jippermettulna ngawdu mill-benefiċċji tas-sħubija (bħal, pereżempju, l-aċċess sħiħ għas-swieq tagħha) mingħajr ma nitgħabbew bil-piżijiet u bl-ispejjeż (bħal, per eżempju, l-aċċess sħiħ għaliha għas-suq tagħna).
“Nagħmlu kif nagħmlu dejjem, inbażwru ‘l hawn u nbażwru ‘l hinn”, kien stqarr Alfred Sant.
Alfred Sant ċertament mhuwiex mill-boloh. Madankollu li ma setax jifhem kien li fi ħdan l-Unjoni Ewropea konna ser insibu ruħna nbażwru ħafna aktar milli stajna nbażwru li kieku bqajna barra.
Bigħna l-passaporti tal-Unjoni Ewropea lill-ħallelin. U issa, fi żmien li fih jidher li mexjin lejn xenarju fl-Ewropa li fiha tista’ tfaqqa’ gwerra stigata mir-Russja, l-imġiba tal-mistħija tagħna f’dan ir-rigward ser tassumi sinjifikat akbar.
Is-sistema bankarja tagħna ftaħniha beraħ għall-ħallelin, inkoraġġejna s-segretezza fejn għandu x’jaqsam il-crypto currency u, fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, qed indaħħqu lid-dinja bina aħna u npinġu lilna nfusna bħallikieku aħna xi fjur innoċenti meta r-realtà hi li jarawna bħala sriep.
Matul il-kampanja favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea niftakarni nkanta l-versi tal-kanzunetta “Ngħidu Iva” u dan għaliex din is-sħubija kienet fl-interess tagħna, ta’ wliedna u ta’ pajjiżna.
Għaliex dik kienet ir-raġuni li vvutajna “Iva”: għal uliedna. Biex nagħtuhom futur aħjar fi ħdan il-familja Ewropea u mhux nibqgħu barra fuq l-għatba.
Dak iż-żmien, bosta kienu dawk li ma qablux mal-parir li kien tana Eddie Fenech Adami sabiex ifittxu l-interess ta’ uliedhom. Dawn riedu l-“partnership”, għaliex hekk kienu qalulhom tal-Labour.
Issa erħilha li fis-sondaġġi li qed jsiru l-biċċa l-kbira ta’ dawn in-nies qed jistqarru kemm huma (u wliedhom) marru tajjeb bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea li tant kienu maqdru fl-imgħoddi.
Iżda issa dawn l-istess nies – u wliedhom li issa tfarfru – jidher li reġgħu koppi u ma jridux jifhmu li l-maħbub Partit Laburista tagħhom qed iħejji biex lil uliedna iħallilhom wirt ta’ qrusa u ta’ mrar. Lil uliedna qed inħallulhom wirt ta’ dispjaċir u pajjiż li mhuwiex jitħalla jiffunzjona. U dan għaliex ippretendejna li nsiru sinjuri malajr mil-lum għall-għada bħalma ppretendew Robert Abela u sħabu.
Il-problema li għandha quddiemna din id-darba hi li dawn it-tip ta’ nies llum huma fil-maġġoranza.
Il-marda tant infirxet li l-gvern issa tilef il-kontroll tagħha.