The Shift News irrappurtat li f’Għawdex, lejliet maratona dwar ġbir ta’ fondi, Robert Abela ltaqa’ ma’ kuntratturi Għawdxin f’attività organizzata minn Joseph Portelli. Waqt il-maratona li seħħet l-għada – maratona li huwa ovvju li saret biex tgħatti l-ħasil ta’ flejjes imħallsin illegalment mill-kuntratturi lill-prim ministru – ħabbru li ġabru ‘l fuq minn €1,000,000.

Ftit tal-jiem wara, permezz ta’ oħrajn li servew ta’ paraventu għalih, Joseph Portelli ngħata permess biex jibni blokk ta’ appartamenti f’Ta’ Sannat – proġett li ssejjaħ bħala mostrożità, diżastru ambjentali u tebgħa kerha fuq l-ambjent.

Sadattant l-udjenza ta’ Robert Abela ċċapċaplu talli – wara li l-istupru li sar fuq Malta issa qed jiġi estiż għal Għawdex minn gvern li huwa ċar li qed jiżfen għad-daqq tas-sinjuruni rgħiba – qed iwiegħed futur ħadrani.

Dak li, f’dawk is-snin diżastrużi, kien l-avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar ma semma’ xejn dwar il-villa tiegħu stess li kien messha ġiet dikjarata bħala bini illegali li kieku l-Awtorità b’miraklu ma naddfitilhiex id-dnubiet kollha ftit qabel ma xtraha Robert Abela. Qalilna li ma ndaħalx fil-proċess tal-ippjanar tal-villa li kien biħsiebu jixtri. Gawda biss mill-miraklu li kien seħħ.

Hawn xi ħadd li hu mħasseb dwar l-istupru fuq Malta minn kriminali li jinsabu fil-bwiet ta’ kriminali akbar? Hawn xi ħadd li xeba’ jisma’ dwar skandli li mhu ser jagħmlu ebda differenza għaliex tal-Labour bellgħuha li “n-Nazzjonalisti mhux korrotti wkoll?”

Araw dan l-imbierek ta’ hawn taħt. Dan mhuwiex. Viva l-Lejber tabilħaqq.