Għal min għadu ma segwiex il-podcast kollha ta’ Stephen Gray, timesofmalta.com illum tellgħet biċċiet mill-intervista li għamel ma’ George Degiorgio, wieħed mill-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan il-podcast ilu xi ftit li xxandar u kont ikkummentajt dwaru hawn.
Int u tisimgħu jitkellem b’Ingliż tajjeb mhux ħażin, l-għors tiegħu li jġiegħel lill-intervistatur jistaqsih mistoqsijiet li deher li qed jieħu pjaċir jaqbel miegħu dwarhom, l-ironija tal-ilment tiegħu li “Malta tgħidx kemm hi pajjiż korrott” … iwassal għall-qofol tiegħu li fih, wara li juri li jaqbel mal-intervistatur, li għalih l-assassinju ta’ Daphne kien biss biċċa negozju, Degiorgio jfaqqa’ daħka.
Ma kinitx daħka ta’ xi ħadd mikul min-nervi. La kien qed jagħmel xi qrara kontra qalbu u lanqas kien qed iwieġeb mistoqsijiet intiżi biex jonsbuh. Ma kellu ebda inċentiv biex jgħid dak li fil-fatt qal. “Kulħadd jaf”, stqarr Degiorgio, li kien hemm komplott ieħor biex tinqatel Daphne. “Kulħadd jaf”, li hu kien ħadem qaqoċċa ma’ ħuh u ma’ “l-ieħor”, jiġifieri Vince Muscat il-Koħħu, biex joqtluha dakinhar.
“Kulħadd jaf” li Degiorgio huwa ħati ta’ omiċidju. U għal George Degiorgio, ħaġa bħal din timmerita daħka.
Dan il-bniedem psikopatiku ma qgħadx jogħmodha. M’hemm l-ebda tifsira moħbija f’dak li stqarr. Kulħadd jaf – jien inkluż, kif jaf hu wkoll – li qatel għall-flus, li huwa qattiel mingħajr indiema u xejn aktar.
“Inqdew bina,” hu u jilmenta dwar dawk li qabbduh biex joqtol lil Daphne u li għadhom sal-lum jiġru barra. B’daqshekk għandna nħennu għalih? Hu kien tħallas, f’ġieħ kemm hemm. M’hemmx dubju li huma nqdew bih u nqdew b’xulxin.
Dawn kienu nqdew b’ħafna nies u baqgħu ma ħallsuhomx. U għadhom sal-lum jinqdew bihom. Inqdew bl-elettorat biex ħatfu s-setgħa, inqdew bil-ħaddiema tagħhom biex huma jidhru ħelwin u biex jgħattulhom xturhom, inqdew bil-pulizija biex ikollhom il-protezzjoni u nqdew bil-prosekuturi meta dawn baqgħu jinjorawhom. Għalfejn qed jiskanta George Degiorgio talli nqdew bih ukoll? M’għandux għalfejn joqgħod jilmenta. Kien talabhom kumpens li dak iż-żmien kien deherlu li kien wieħed tajjeb. Għalkemm aktar tard iddispjaċieh u stqarr li minflok kien messu talabhom €10 miljuni.
George Degiorgio kien mingħalih li seta’ jinfluwenza favurih lill-opinjoni pubblika biex jingħata kundanna mnaqqsa li tkun “inqas minn” ta’ Vince Muscat, għax bħal donnu ħaseb li konna ser naqblu miegħu li ma kienx sewwa li jlaqqatha hu filwaqt li dawk li qabbduh jibqgħu jgħadduha lixxa.
Sewwa qal li ġietu ħażin. Iżda kull min sema’ lil George Degiorgio ifaqqa’ d-daħk f’dik l-intervista, huwa wkoll psikopatiku jekk jaqbel mal-pjan ta’ George Degiorgio li jinħeles kmieni mill-ħabs.
Għall-ewwel ma kontx ċert jekk kinitx idea tajba dik li, persuna li għandha l-ħila li toqtol kiesaħ u biered, tingħata widen biex targumenta favur il-ħelsien tagħha mingħajr ma tkun ħaqqha tinħeles. Jaf jerġa’ jibdieli iżda issa naħseb li b’din l-intervista Degiorgio waqqa’ l-ġebla fuq saqajh. Ammetta l-ħtija tiegħu għall-qtil u fl-istess waqt, fi sforz biex jipprova jingħoġob u jiġġustifika ruħu, wera x’tassew isarraf.
Dan huwa bniedem li ħaqqu ikla ħabs.
Għal għomru.