Il-kliem vag u iebes u n-natura intrinsikament diskriminatorja ta’ din l-istqarrija turi li hi stqarrija ta’ bixra razzista. Meta żżid magħha l-proposta l-oħra li għandha tintuża l-armata biex tissorvelja t-toroq fin-nuqqas ta’ xi forma ta’ stat ta’ emerġenza, t-ton u l-intenzjoni faxxista jidhru aktar ċari.
Hemm sinifikat akbar f’dik il-kwotazzjoni. Tabilħaqq l-istqarrija ta’ Giglio u Borg xebbħet kwistjonijiet marbutin mas-sigurtà ma’ konfrontazzjoni bejn ir-razez. Ta’ min igħid li ż-żewġ kelliema kienu qed jirreaġixxu għall-ġlieda li nqalgħet fi triq fil-Ħamrun bejn numru ta’ barranin. Kif ħabat, dawn huma nies li telqu mis-Sirja biex jaħarbu minn gwerra mdemmija.
Ftit sigħat wara meta xxandar il-filmat ta’ ġlieda ħarxa fit-toroq ta’ Paceville. ħadd ma kien fetaħ ħalqu. Dakinhar ma taw ebda ħjiel li kienu ser jinsistu fuq it-tkeċċijiet “immedjati” ta’ dawk involuti. Jistgħu forsi jwieġbu li b’daqshekk ma jfissirx li huma razzisti. Fil-fatt hekk hu għax jidher li qed jipproponu politika li tinbidel skont in-nazzjonalità ta’ min ikun kiser il-liġi.
Anki jekk stess naċċettaw l-argument tagħhom li huma m’humiex razzisti, xorta waħda nsibu li qed jiddiskriminaw għal raġunijiet oħra li m’humiex dikjarati. Jista’ jkun li forsi għaliex ma kienx hemm għagħa pubblika kontra dak li stqarrew, jew forsi għaliex x-xorb li kienu xorbu dawk involuti inxtara minn stabbiliment ta’ klijent ta’ wieħed mill-Membri Parlamentari?
Jekk hu hekk, dan mhux biss huwa mod redikolu ta’ kif titmexxa l-politika. Huwa wkoll mod korrott.
Sinjifikat ieħor kemmxejn moħbi fl-istqarrija ta’ Bernard Grech dwar ir-retorika ta’ “Maltin kontra barranin” hu dik ta’ kif fisser stqarrija uffiċjali tal-PN bħala retorika. Ma riedx ifisser retorika fis-sens klassiku tal-kelma. Ried ifisser it-tifsira li ħadet dik il-kelma llum: jiġifieri vojta, populista, provokattiva, li tkebbes emozzjonijiet negattivi, tippunta subgħajha lejn l-oħrajn u tipprovoka l-mibgħeda. Seta’ faċilment uża l-kelma ‘faxxista’.
B’dik id-dikjarazzjoni tiegħu, Grech waqqa’ l-proposti li għamlu Giglio u Borg għal-livell ta’ retorika. Din, wara kollox, ma kinitx politika mfassla. Kienu biss paroli. Paroli li tista’ ssejħilhom perikolużi.
Kliem Bernard Grech wieħed jista’ jħares lejhom minn żewġ naħat. Tista’ tistqarr li għandu s-saħħa jwaqqa’ l-kelma ta’ żewġ membri parlamentari tal-partit tiegħu li ma żammewx mal-linja tal-partit, billi b’mod pubbliku ċċara li diskors razzist ma jaqbilx mal-valuri tal-partit tiegħu. M’għandix dubju li Bernard Grech stenna li kliemu hekk kellu jinftiehem mill-pubbliku. Mhux biss, iżda l-pubbliku kien ikollu jagħraf il-kuraġġ ta’ Bernard Grech li jwaqqa’ stqarrija li setgħet tkebbes rabja pubblika u dan minflok tirbaħ l-appoġġ immedjat tal-pubbliku. Fi kliem ieħor, qadef kontra l-kurrent biex jagħmel dak li hu sewwa.
Għaldaqstant, jekk trid tkun pożittiv u tfittex xi raġuni li tittama li l-PN għadu mmexxi minn persuni pjuttost bilanċjati u demokratiċi, Bernard Grech tak ma xiex tiggranfa.
Personalment, lili ftit li xejn impressjonani. Għal darb’oħra, l-PN qed jistedinna biex dak li jistqarr il-Partit ma nieħduħx bis-serjetà u dan speċjalment meta Joe Giglio jkun qed jitkellem f’ismu. L-aħħar darba li ġrat ħaġa bħal din, Joe Giglio kien pubblikament wera l-istmerrija għall-whistleblower li kienet il-kaġun tal-għeluq tal-klijent tiegħu: jiġifieri l-Pilatus Bank. U kien stqarr ukoll li l-kelma ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili ma kellhiex piż daqs il-kelma ta’ politiku.
Wara li ra li l-istqarrija tiegħu kienet bellħet lil bosta persuni, Joe Giglio bilġri qal li kien qiegħed biss jesprimi l-opinjoni personali tiegħu u mhux il-linja uffiċjali tal-Partit.
Ftit aktar diffiċli li issa tkejjel bl-istess riga, hux hekk? Joe Giglio ma kienx qed ilablab f’xi intervista fuq ir-radju. Kien qed jitkellem dwar stqarrija tal-PN. Stqarrija uffiċjali u formali li wieħed għandu jifhem li tkun ixxandret bil-barka tal-Partit li jkun xandarha. U ma kienx waħdu għaliex Alex Borg iffirma l-istqarrija miegħu.
Wara li Joe Giglio kien tkellem f’dik il-famuża intervista, jien kont għidt li ma stajtx nifhem kif il-PN jista’ jippretendi li aħna – jiġifieri l-pubbliku – se nkunu nafu l-Membri Parlamentari tiegħu jkunux qed jitkellmu f’isem il-Partit jew f’isimhom personali. Importanti li nkunu nafu fiċ-ċert l-politika tal-Partit x’inhi għaliex b’hekk biss inkunu nistgħu nistennew li l-politiċi li nkunu vvutajna għalihom se jimxu fuq dawk il-prinċipji fil-Parlament jew, xi darba, meta jew jekk isiru Ministri.
Tal-inqas Joe Giglio jkun, u għandu kull intenzjoni li jsir, il-ministru tal-intern. Se jimxi skont il-fehma personali tiegħu li juża lill-armata fit toroq b’ordnijiet li jkeċċu barranin li għandhom karnaġjon skur b’mod li sa issa huwa kkunsidrat bħala wieħed inaċċettabbli? Jekk jinxtered id-demm, Bernard Grech kemm ser ikollu l-ħila li jserrħilna rasna – kemm il-darba jsir Prim Ministru – li hu ma jaqbilx mal-imġieba jew mal-kliem li jkun stqarr ministru minn tiegħu?
Li kieku Joe Giglio u Alex Borg għamlu użu mill-infrastruttura tal-PN, minn ismu u mill-kredenzjali tiegħu biex jistqarru l-fehmiet personali tagħhom u r-retorika razzista tagħhom, Bernard Grech, bħala kap tal-oppożizzjoni, kien ikollu d-dmir li mhux jilmenta biss. Nista’ nilmenta jien. Kif fil-fatt għamilt.
Il-politika ta’ partit ma tixxejjinx għax hekk ikun jixtieq xi ħadd, anki meta dak ix-xi ħadd jinzerta li hu kelliem tal-partit. Fi ħdanu l-partit membri, strutturi, gruppi, kumitati u xibkiet formali u informali. Jekk Joe Giglio u Alex Grech qabżu lil dawn kollha sabiex jimponu l-fehmiet tagħhom fuq il-Partit, għandu jkun hemm konsegwenzi għal dan. Frankament, il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jdabbrilhom rashom.
Ir-realtà turi mod ieħor. Ejja nkunu onesti. L-istrutturi li suppost qed ikebbsu d-dibattiti u jfasslu politika m’għadhomx jeżistu. M’hemmx dibattitu politiku li jinvolvi l-membri tal-partit. Ix-xibkiet formali u nformali tal-partit – fejn dawn jeżistu – moħħhom biss f’ħaġa waħda: kif se jibqgħu ħajjin u jevitaw il-falliment.
Ma hemm ħadd li jista’ jimmodera fehmiet potenzjalment estremisti jew spontanji u li jiddiskuti x’jaf ikun l-effett tagħhom u joħoroġ bi strateġiji alternattivi. Għalhekk ir-retorika tispiċċa toħroġ minn moħħ membru parlamentari li rreaġixxa għall-filmat li xxandar fil-mezzi soċjali u pinġa kliemu bħallikieku dawn kienu l-politika uffiċjali tal-PN. Kaġun tal-fatt li x-xibka formali jew informali biex timmodera hi nieqsa.
Bl-istess mod, diffiċli wieħed igħid Bernard Grech huwiex iġib ruħu skont il-prinċipji tal-Partit għaliex, bħal u daqs Giglio u Borg, m’għandux għad-dispożizzjoni tiegħu grupp ta’ persuni li jista’ jgħaddilu l-fehmiet.
Dan ma jfissirx li l-PN sar partit lemini-estrem magħmul biss minn persuni li għandhom ġilda bajda. Iżda s-suspett hemm qiegħed.
Fid-deżert lis-suldati wieħed jista’ jarahom javviċinaw anki minn distanza twila. Iżda jkun diffiċli tagħraf jekk dawn ikunux ħbieb jew għedewwa.