Silvio Schembi fil-pront wieġbu li huwa mhuwiex il-ministru responsabbli għas-salvataġġ minn fuq l-ibħra. Madankollu hu wieħed mill-ministri tal-gvern u, li kieku jrid u li kieku niggżitu xi ftit il-kuxjenza, għandu l-opportunità kollha li jilmenta ma’ sieħbu l-ministru responsabbli li tifla ċkejkna ma kellhiex titħalla tmut bil-għatx għax ġiet taqa’ u tqum minnha l-armata ta’ Malta.
Għaldaqstant it-tweġibiet tiegħu jħollu u jorbtu. Ma stqarrx li l-gvern Malti kellu jerfa’ xi responsabbiltà għan-nuqqas tal-armata Maltija li ssalva persuna li kienet fl-ibħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ pajjiżna.
Silvio Schembri wera biss li jinqala’ għall-iskużi banali: għaliex aħna żgħar u ma nistgħux insolvu l-problemi kollha tal-Afrika. Issa din it-tifla ċkejkna ma kinitx mill-Afrika iżda mil-Libanu u x’aktarx jidher li Silvio Schembri ma jafx li l-Libanu mhuwiex fl-Afrika. Silvio Schembri ma semma’ xejn – x’aktarx li la jaf u lanqas jimpurtah – li minn popolazzjoni ta’ inqas minn 7 miljun ruħ, 2.2 miljun Libaniż jeħtieġu l-għajnuna umanitarja. U dan fi żmien meta f’dak il-pajjiż daħlu 1.2 miljun refuġjat mis-Sirja, 208,000 refuġjat mill-Palestina u madwar 80,000 immigrant.
M’hemmx paragun bejn il-“problemi” tagħna u l-infern li kienu qed jippruvaw jaħarbu minnu l-ġenituri taċ-ċkejkna Loujin. U minkejja dan, Silvio Schembri għażel li joqgħod jitħassar lilu nnifsu. Qal li t-tifla ċkejkna mietet bil-għatx għaliex l-Ewropa “m’offrietx is-solidarjetà tagħha”. Speċi ta’ “tort tagħhom – mhux tagħna”.
F’dawn l-aħħar jiem, kemm ilu li mietet ir-Reġina Eliżabetta, kien hemm min stqarr li Malta baqgħet imwaħħla f’mentalità kolonjali. Din il-mentalità tista’ taraha ċar u tmissha b’idejk b’dak li stqarr Silvio Schembri, fis-sens li huma l-vapuri ta’ pajjiżi oħra li għandhom isalvaw lin-nies mill-għarqa fl-ibħra tagħna. Għaliex aħna żgħar.
X’jippretendi dan Silvio Schembri? Tgħid qed jippretendi li l-Isvezja għandha tibgħat il-vapuri tagħha fl-ibħra Maltin biex issalva n-nies milli jegħrqu? L-argument li aħna pajjiż żgħir ma jreġix u ma jirriflettix il-fatti. Ma jidhirx li ċ-ċkejkna Louijin tħalliet tmut bil-għatx għaliex Malta m’għandhiex biżżejjed laneċ veloċi li setgħu jilħquha fil-ħin.
Dak li l-aktar li attira l-attenzjoni tan-nies kien il-paragun li għamel Silvio Schembri mas-solidarjetà li l-Ewropa qed turi mal-Ukrajna kemm ilha li bdiet l-invażjoni Russa. Skont Schembri, Malta baqgħet ma rċevietx it-trattament speċjali li qed jirċievi l-poplu Ukren. U kompla jgħid li l-Ewropej forsi qed jgħinu lill-poplu Ukren għaliex il-gwerra tinsab aktar qrib tagħhom milli hi qrib Malta. Jidher li Silvio Schembi lanqas il-ħila jaqra mappa m’għandu. Bejn wieħed u ieħor hemm l-istess distanza bejn Brussell u il-Belt Valletta u bejn Brussell u Kiev.
Iżda l-kwistjoni kollha mhix din, hux hekk?
Silvio Schembri kif qatt jista’ jipparaguna ftit mijiet ta’ immigranti marsusin fuq laneċ imtaqqbin u jagħmlu l-ilma mat-tankijet tal-armata Russa? Kif qatt jista’ jipparaguna tfal jitkarrbu biex jingħataw l-ilma x’jixorbu ma’ dawk li qed iwettqu delitti tal-gwerra u joqtlu n-nies kif ġie ġie? Kif qatt jista’ jipparaguna d-difiża ta’ pajjiżha li qed tagħmel l-armata Ukrena fit-toroq u fl-irħula mal-indifferenza tas-suldati tal-armata Maltija li baqgħu sal-lum jinjoraw il-karba ta’ min ikun wasal biex jagħreq?
Meta nitkellmu dwar razziżmu nkunu qed infissru s-sentiment ta’ mibgħeda li jinħass u li jkun indirizzat lejn ġnus u razez oħrajn. Ir-razziżmu ta’ Silvio Schembri – għallinqas it-tip ta’ razziżmu li wera hu u jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Andrew Azzopardi – hu kemmxejn differenti. Ejjew insejħulu razziżmu pożittiv, jiġifieri dik l-imħabba egoistika u eċċezzjonalista li tnissel sens ta’ superjorità privileġġjata li ġġiegħel lill-bniedem jgħatti għajnejh għat-tbatijiet li jkunu għaddejjin minnhom oħrajn.
Għal Silvio Schembri t-tbatijiet li jinsabu għaddejjin minnhom il-popli tal-Libanu, tal-Afrika u tal-Ukrajna huma biss eżaġerazzjonijiet u dawn it-tbatijiet jipparagunahom mal-isforzi li jeħtieġ li nagħmlu bħala pajjiż biex nagħmlu l-għassa fl-ibħra tagħna u nevitaw li n-nies jegħrqu fihom mejtin bil-għatx.
Din mhix injoranza.
Hi biss mibgħeda razzista bla limitu.