Robert Aquilina, il-president ta’ Repubblika, ilu sentejn sħaħ jissielet fil-proċess tad-data protection sabiex il-gvern jiġi mġiegħel ixandar dokumenti sigrieti li jistgħu jagħtu spjegazzjoni dwar ir-raġuni għala lil Silvio Valletta ppermettewlu li jindaħal fl-aġenzija li tagħmel l-għassa fuq l-industrija tas-servizzi finanzjarji. Dan huwa l-istess Silvio Valletta li tant kien ħaġa waħda ma’ Yorgen Fenech li ta’ sikwit kien isajjarlu l-għaġin biex jikkumpensah għall-biljetti li jkun għaddielu biex isegwi l-partiti taċ-Champions League.
Għalkemm għadha ‘l bogħod id-deċiżjoni dwar jekk Repubblika (jew il-pubbliku in ġenerali) għandhomx dritt jew le għal sodisfazzjon, il-proċess qed iservi ta’ tagħlima b’mod speċjali llum hekk kif xhieda ġew imġiegħla jixhdu għall-ewwel darba dwar din il-kwistjoni.
Silvio Valletta, dak iż-żmien supretendent tal-pulizija, kien ingħażel biex jieħu post Pierre Calleja li kien inħatar mill-kummissarju tal-pulizija u li kien membru tal-FIAU sa minn dakinhar li nħolqot l-aġenzija. Il-kariga fil-pulizija li kellu Pierre Calleja kienet ogħla minn dik ta’ Silvio Valletta (dak iż-żmien kien Assistent Kummissarju u ftit wara nħatar bħala Deputat Kummissarju). Kellu wkoll aktar esperjenza minn Silvio Valletta.
Fi kliem ieħor, ma seta’ qatt ikun hemm ġustifikazzjoni biex Silvio Valletta jieħu post Pierre Calleja.
Waqt l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Edward Scicluna – dak iż-żmien Ministru tal-Finanzi u l-persuna li kellu r-responsabbiltà aħħarija li jagħmel l-għażla – kien ġie mistoqsi l-għala kien temm il-ħatra ta’ Pierre Calleja u ħatar floku lil Silvio Valletta.
Bil-ġurament quddiem l-Imħallfin tal-inkjesta, Edward Scicluna stqarr li kien “ġie infurmat” li Pierre Calleja kien biħsiebu jwarrab qabel iż-żmien mill-ħatra tiegħu fl-FIAU. Waqt li kien qed jagħti x-xhieda tiegħu llum, Pierre Calleja ċaħad dan u wera lill-qorti li dak iż-żmien kien ta kumment lil intervistatur fis-sens li ma kellu ebda ħsieb li jwarrab. U, fi kwalukwe każ, dak iż-żmien ħadd ma kien bagħat għalih biex jistaqsih x’kellu f’moħħu li jagħmel u ċertament ma kellux il-ħsieb li jirtira. Fil-fatt ried li jibqa’ fil-kariga li kellu u aktar tard, fil-korp kien ingħata promozzjoni.
Dan ma jistax ħlief ifisser li jew Edward Scicluna gideb dwar x’wassal għad-deċiżjoni li kien ħa jew inkella xi ħadd kien daħak bih.
Illum fil-qorti l-avukat ta’ Repubblika Sarah Cannataci fakkret lil Edward Scicluna dwar dak li kien xehed quddiem l-Imħallfin tal-inkjesta. U Edward Scicluna ċertament ma setax jirrepeti dak li hu kien stqarr fis-sens li Pierre Calleja kellu l-ħsieb li jwarrab meta Pierre Calleja dak il-ħin stess kien għadu kemm stqarr li dak iż-żmien ma kellu ebda intenzjoni li jwarrab.
Kien proprju hawn li Edward Scicluna ċeda l-armi. Id-deċiżjoni li kien ħa li jaħtar lil Silvio Valletta ma kienet imsejsa fuq ebda kriterju. Stqarr li kellu d-dritt li jagħżel lil min ried hu u li kien għalhekk li għażel lil Silvio Valletta. Skont Edward Scicluna ħadd ma kellu d-dritt li jindaħallu.
Is-setgħat diskrezzjonali li jingħataw lill-politiċi, jingħatawlhom bis-saħħa tal-liġijiet. Iżda dawn is-setgħat mhumiex “drittijiet” jew privileġġi li ma jistgħux jiġu kontestati jew mgħarbla kif Edward Scicluna hu mingħalih li huma. Is-setgħat diskrezzjonali mhuma xejn ħlief responsabbiltajiet u l-ministri huma kontabbli lejn il-poplu dwar il-mod li bih jeżerċitaw dawn ir-responsabbiltajiet.
Il-ħatriet li jsiru fi ħdan aġenzija bħalma hi l-FIAU huma kwistjonijiet serji ħafna. U, kif ikkonkludew l-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-ħatra ta’ Silvio Valletta fl-FIAU għenet biex ċerti kriminali rnexxielhom jgħadduha lixxa.
Li kieku seta’, Edward Scicluna kien jispjega x’kien wasslu biex jagħmel il-ħatra li kien għamel, anke jekk spiċċa biex għamel falza stikka. Iżda l-fatti juru li dan ma riedx jagħti spjegazzjoni u stqarr li ħadd ma kellu d-dritt li jitlob sodisfazzjon mingħandu. Li jfisser li spjegazzjoni m’għandux.
X’seta’ jgħid Edward Scicluna? Li effettivament ma kienx hu l-ministru tal-finanzi, li kien hemm biss biex jiffirma l-karti li jġibulu quddiemu u jagħmel biss dak li jordnalu Joseph Muscat?
Konna nemmnuh li kieku kellu jistqarr dan kollu. Iżda stqarrija bħal din iġġib magħha l-konsegwenzi: jiġifieri li jkollu jtir mill-kariga li għandu bħalissa.
Din hi r-raġuni l-għala l-gvern baqa’ jaħbi d-dokument li Repubblika qed tinsisti li għandu jixxandar. Il-gvern mhuwiex jinkwieta dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni personali dwar persuni msemmijin fid-dokument.
Il-gvern imwerwer li bil-pubblikazzjoni tad-dokument għad toħroġ prova oħra li l-Ministeru tal-Finanzi (u issa l-Bank Ċentrali) kien immexxi minn baħnan u li b’riħet dan il-fatt il-kriminali kellhom rashom mistrieħa li ħadd ma seta’ jmisshom.