Fiż-żewġ kitbiet li ktibt s’issa (din u din) dwar id-dibattitu li jinsab għaddej fuq l-abort qgħadt attent ħafna sabiex ma nintefa’ wara ebda wieħed miż-żewġ naħat. U minkejja dan, u ċertament sa meta wasalt biex nikteb it-tieni kitba tiegħi li fiha kkritikajt ċerti aspetti tal-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni, kien hemm uħud li stqarrew li n-nuqqas ta’ kundanna tiegħi tal-abort f’kull ċirkostanza allura tfisser li jien naqbel mal-qtil tat-trabi.
Din hi r-raġuni għala l-polarizzazzjoni m’hi xejn ħlief ġenn. Għaliex f’kuntest bħal dan mhux biss lanqas ikun possibbli għalik li tikkunsidra fehmiet differenti, iżda lanqas biss ikollok il-ħila tikkuntempla li jista’ jkun hemm min ma jaqbilx mal-mod kif tifhimha int u dak kollu li ma jaqbilx mal-fehma tiegħek isir biss dagħwa.
Għaliex m’humiex jaraw lil hinn mill-ponta ta’ mneħirhom, dawk li qed jifirħu li l-emendi proposti mill-gvern ser iwasslu għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort f’ċerti ċirkostanzi m’humiex jintebħu bit-taħwid li ser iġġib magħha din l-hekk imsejjħa liberalizzazzjoni u dan għar-raġuni li l-liġi, wara li tgħaddi mill-Parlament, ser tikkomplika ħajjet in-nisa u dik tat-tobba tagħhom.
Hawn min igħid li l-gvern m’għandux jindaħal u li meta jkun jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni iebsa, għandna nħallu f’idejn il-ħila u l-impenn tat-tobba li jagħmlu dak li jkun sewwa u f’idejn ix-xjenza.
Iżda llum l-għaqda tat-tobba wriet it-tħassib tagħha għall-emendi fil-liġi li qed jipproponi l-gvern. Għaliex dawn l-emendi m’humiex ser jagħtuhom is-setgħa li jagħmlu l-għażliet li jkunu meħtieġa. Skont l-għaqda tat-tobba, dawn l-emendi ser ineħħu ċ-ċertezza hemm illum. Jekk int favur id-dħul tal-abort, mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ forsi jidhirlek li din tkun ħaġa tajba.
Iżda jekk int favur id-dħul tal-abort, ma tistax issodd widnejk għal dak li qed isostni l-leġiżlatur ripetutament fil-Parlament u lil hinn minnu: jiġifieri li l-intenzjoni tal-gvern m’hix dik li f’Malta jiddaħħal l-abort. Il-gvern qed igħid li dak li m’huwiex permess illum ser jibqa’ mhux permess ukoll wara li jgħaddu l-emendi.
It-tobba qegħdin jifhmu ma’ xiex ser ikollhom iħabbtu wiċċhom. Wara t-taħwid li ħoloq, il-gvern qed jipprova jbenġilha. U wara li jkun akkwista l-appoġġ tal-attivisti dwar id-drittijiet tan-nisa, il-gvern ikun ħareġ barra mix-xena. Iżda t-tobba mhux biss ser ikollhom jagħmlu deċiżjonijiet iebsin iżda wkoll ser ikollhom jiffaċċjaw l-aspettattivi foloz li nħolqu bid-dħul tal-emendi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-abort.
Mhux bi ħsiebni noqgħod nesaġera. Mhux ser imur ngħid li dawn l-emendi ser jagħtu s-saħħa lil min ibati b’xi uġiegħ ta’ ras jew uġiegħ ta’ żaqq biex jagħmel abort. Dawn l-eżaġerazzjonijiet inħallihom għall-estremisti.
Madankollu ser nirrepeti dak li stqarret illum l-għaqda tat-tobba. Jiġifieri li jekk huwa tassew minnu li l-gvern ma jrid li jinbidel xejn bis-saħħa tal-emendi, jkun aħjar jekk l-emendi ma jgħaddu xejn. Wara kollox, kif stqarrew it-tobba, ma kienux huma li talbu li tinbidel il-liġi. L-ebda tabib ma ntbagħat il-ħabs talli għamel dak li l-gvern jixtieq li jkompli jagħmel wara li jkunu għaddew l-emendi.
Din kienet waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin li xegħlet lil dawk li huma kontra l-abort u li ġiegħlithom joħorġu jipprotestaw bil-qawwa. Skont dawn, l-emendi ser jagħtu lok biex f’pajjiżna jseħħu aborti li sal-lum ma setgħux iseħħu.
Dawk li ħarġu jipprotestaw qed jibżgħu dwar dak li għalih ser iwasslu l-emendi: jiġifieri li l-gvern ser jibda’ jippermetti l-abort.
Dawk li m’humiex joġġezzjonaw huma dawk li jaqblu mad-dħul tal-abort legalizzat. Jidhrili li dawn ġew mogħmija b’ċertu ottimiżmu żejjed. Ċertament m’għandhomx wisq għal xiex ikunu kuntenti bl-istqarrijiet tal-gvern fis-sens li fil-prattika l-emendi m’huma ser jibdlu xejn u li terminazzjoni ta’ tqala li ma tistax iseħħ illum m’hux ser issir permissibbli bis-saħħa tal-emendi. Jekk huma favur l-għażla, ċertament ma jistgħux ikunu kuntenti ġaladarba l-gvern qed jgħidilhom li effettivament mhux ser ikollhom għażla.
Mill-banda l-oħra, jistgħu jieħdu pożizzjoni fis-sens li l-gideb tal-gvern ma jinteressahom xejn u li jinteressahom biss f’dak li hemm miktub fl-emendi għal liġi kif preżentati fil-Parlament. Igħidu x’igħidu dawk li fasslu l-abbozz, l-emendi jippermettu li jsiru aborti li sal-lum ma jistgħux isiru. Dawk li huma favur l-għażla jistgħu jieħdu pożizzjoni fis-sens li huma jiġu, jaqgħu u jqumu mill-fatt li l-gvern qed jgħaddi lill-votanti tiegħu biż-żmien dwar it-tifsira vera tal-emendi għaliex, wara kollox, għalihom dawn l-emendi huma pass ‘il quddiem.
Għall-mument, ejjew inħallu fil-ġenb l-ipokresija grassa ta’ dawk li jappoġġjaw l-emendi tal-gvern u dan minkejja l-gideb li qed jigdeb dwarhom lin-nies tiegħu.
Ejjew niffukaw fuq dak li x’aktarx ser iseħħ fil-prattika. Tobba li ser ikunu ffaċċjati bl-ambigwità tal-emendi l-ġodda u li ser ikunu taħt pressjoni kbira minn gvern li jkun irid jipprova li m’għamel xejn biex iżid l-aborti, x’aktarx ser jispiċċaw jagħżlu li ma jitterminawx tqala li forsi kienu jikkunsidraw li jitterminawha f’ċirkostanzi differenti.
U issa, f’ħakka t’għajn, reġgħet ingħatat ħajja ġdida t-theddida tal-ħabs u tat-telfien tal-liċenzja medika. Għaliex jinsabu taħt pressjoni minn kritiċi fi ħdan il-Partit Laburista, l-ministri qed jagħmlu stqarrijiet iebsin u qed jinsistu li t-terminazzjoni tat-tqala kienet u ser tibqa’ delitt kriminali.
Lil dawk li huma kontra l-abort, wieħed jifhem ir-raġunijiet għala ħaduha kontra l-emendi proposti mill-gvern.
Iżda dawk li huma favur l-għażla, ma nistax nifhem kif qatt jistgħu jaslu biex jappoġġjaw dawn l-emendi.