Din li ġejja hi stqarrija li nħarġet minn Membri Parlamentari li jirrappreżentaw il-partiti rappreżentati fil-Parlament Ewropew li fiha jikkundannaw rapporti li xxandru fil-mezzi tax-xandir ta’ Ċipru – rapporti li xxandru wkoll hawn Malta b’konvinzjoni liema bħalha minn ġurnalisti tal-Labour – li huma malafamanti fil-konfront ta’ Maria Efimova, il-persuna li hi xhud ma’ oħrajn dwar illegalitajiet li allegatament seħħew f’Pilatus Bank.
Brussell, 02 ta’ Frar 2018
Stqarrija Konġunta
Rapporti li xxandru dan l-aħħar mill-mezzi tax-xandir ta’ Ċipru qed jinkriminaw u/jew jorbtu lill-whistleblower Maria Efimova mal-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia.
Maria Efimova, xhud ta’ interess pubbliku/whistleblower, irrilaxxjat informazzjoni dwar Bank f’Malta u kienet waħda mis-sorsi ta’ informazjoni tal-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-kapaċitajiet tagħna bħala membri li nirrappreżentaw il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew li taw sehemhom fil-Kumitat ta’ Inkjesta dwar il-Panama Papers u fid-Delegazzjoni ad hoc għal Malta fit-30 ta’ Novembru / 1 ta’ Diċembru, niddikjaraw li l-iskop ewlieni u sinċier tagħna huwa li nipproteġu lil dawk il-whistleblowers kollha li jikxfu informazzjoni li tkun ta’ interess publiku.
F’dan il-kuntest, nikkundannaw bil-qawwa l-istejjer li ċerti sorsi tax-xandir f’Ċipru qed ixandru dwar Maria Efimova. L-istejjer li qed ixandru huma foloz, malafamanti u intimidatorji u potenzjalment qegħdin iservu biex iqiegħdu l-ħajja tal-whistleblower Maria Efimova u tal-familja tagħha fil-periklu.
MEP David Casa (EPP), MEP Sven Giegold (Greens/EFA), MEP Ana Gomes (S&D), MEP Maria Grapini (S&D), MEP Stelios Kouloglou (GUE/NGL), MEP Patrick Le Hyaric (GUE/NGL), MEP Takis Hadjigeorgiou (GUE/NGL)
Ta’ min jinnota li fost il-lista ta’ Membri Parlamentari Ewropej hemm żewġ MPE Soċjalisti u ieħor minn Ċipru stess Takis Hadjigeorgiou.
Il-mezzi tax-xandir ta’ Ċipru xandru aħbar falza li Maria Efimova kienet ġiet arrestata diversi drabi f’diversi pajjiżi, li din kienet xliet il-pulizija f’diversi pajjiżi li kienu ġiegħluha tkorri meta kienet tqila bi trabi, li qed ifittxuha fl-Irlanda, li żewġha kellu l-problemi fuq il-lant tax-xogħol u – l-isbaħ waħda fosthom kollha – li qed ifittxuha b’konnessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-mezzi tax-xandir ta’ Ċipru ġew mitmugħa dawn l-aħbarijiet foloz minn xi ħadd li għandu kull interess li jqiegħed il-ħajja tagħha fil-periklu u li jiskreditaha.