Il-bieraħ ktibt li  dak li nkiss inkiss fetaħ kumpannija fil-Panama, indaħal fejn ma jesgħux dwar ix-xiri taż-żejt, allegatament “irranġa” l-kuntratt tal-isptar, allegatament daħħal kummissjoni mill-bejgħ ta’ vapur, ħawwad fil-borma tax-xiri tal-power station – il-Ministru Konrad Mizzi jidher li hu ħabib qaqoċċa ma’ Darren Casha, bniedem li għamel żmien twil nieqes minn Malta għax kellu salt kredituri jiġru warajħ għall-ħlas.

Jidher li dawn it-tnejn saru ħobża u sikkina. Ma jidhirlux Konrad Mizzi li r-reputazzjoni tiegħu ħadet biżżejjed daqqiet ‘l isfel? Donnu jrid ikompli jogħdos l’isfel għax ma jiddejjaq xejn jidher fil-pubbliku ħaġa waħda ma’ persuna li kienet ħarbet minn pajjiżha biex jevita l-falliment u dan wara li kien libes iż-żarbun tal-galantom l-ieħor Ryan Schembri, prim kuġin tas-sid tal-kumpannija l-oħra tal-Panama li allegatament qed jimpala l-kummissjonijiet mill-bejgħ tal-passaporti….. insomma tafu għal min qed nirreferi.