Stqarrija ta’ #occupyjustice:
Ġurnata wara li l-billboards li tellgħu l-grupp #occupyjustice tneħħew mill-awtoritajiet, l-attivisti nġabru quddiem Kastilja bl-istess messaġġi fuq banners biex iħalluhom taħt it-taraġ ta’ Kastilja.
“Jekk taħseb illi se tagħlqilna ħalqna billi tneħħi l-billboards li tellajna, jew billi turi snienek u tiżra’ l-biża’ anki fil-persuni tan-negozju li jippruvaw jgħinuna niġġieldu sabiex jerġa’ jkun hemm il-ġustizzja f’pajjiżna – sejjer żball,” qalet kelliema ewlenija ta’ #occupyjustice.
L-attivisti appellaw lill-Prim Ministru bil-kliem ta’ Sir Winston Churchill: “tista’ tkompli tagħmlilna l-bsaten fir-roti iżda aħna ser inkomplu niddefendu l-gżira tagħna, irrispettivament mill-prezz li ser inħallsu… qatt m’aħna ser inċedu.”
Fl-istqarrija, l-attivisti qalu lill-Prim Ministru biex jirrifletti fuq il-messaġġ tagħhom u żiedu li kienu ser ikomplu jirrepetu sakemm iħossu l-ħtieġa: A JOURNALIST MURDERED. NO JUSTICE.”; “A COUNTRY ROBBED. NO JUSTICE.”; “NO RESIGNATIONS. NO JUSTICE.” (TINQATEL ĠURNALISTA. ĠUSTIZZJA XEJN PAJJIŻNA JINSTERAQ. ĠUSTIZZJA XEJN…. RIŻENJI XEJN. ĠUSTIZZJA XEJN)
Huma qalu ukoll: “Il-fatt illi dawn il-billboards tniżżlu, b’disprezz għad-dritt tagħna li nesprimu ruħna u li nipprotestaw u li npoġġu mistoqsijiet li jniggżu dwar kif il-gvern tiegħek irnexxielu jdgħajjef is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, jikonferma biss il-ħtieġa illi aħna nkomplu nipperseveraw bl-għajta tagħna.”
Staqsew għaliex għaddew erba’ xhur u ħadd għadu ma jaf min ordna l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet qed tikxef eżempji atroċi ta’ korruzzjoni.
L-attivisti staqsew x’kien l-interess tal-Prim Ministru illi jżomm lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri – li t-tnejn huma implikati f’atti serji ta’ korruzzjoni – fil-karigi tagħhom. “Għaliex għadu ma keċċihomx? X’qed jistenna?”