Bil-mod il-mod tiela’ fil-wiċċ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li ntrabat bihom il-gvern għas-servizzi nazzjonali tas-saħħa. Issa qed nintebħu li l-operatur ta’ tlieta mill-isptarijiet tagħna lanqas kellu minn fejn iħallas il-pagi tat-80 impjegat li kellu u dan minkejja l-fatt li tħallas għexieren ta’ miljuni li ħadd ma jaf fejn marru u saret ipoteka favur bank li jaħdem fil-qasam agrikolu.
Tħallsu mitt milhun ewro minn flus il-poplu u lanqas għandhom għexja ta’ lejla!
U l-gvern kien jaf b’dan kollu mill-bidu nett. Marru bilġri l-Parlament biex igħattu d-dnubiet tal-Vitals huma u jippruvaw isibu lil xi ħaddieħor biex jingħata l-konċessjoni – kienu jafu sew x’kien għaddej minn wara l-kwinti u għamlu minn kollox biex jaħbu kollox mill-poplu.
Fil-frattemp, il-pazjenti f’Karin Grech, San Luqa u fl-isptar ta’ Għawdex kienu qed jirċievu trattament mediku minn sptar fallut.
Mhux biss urew disprezz kbir lejn il-pajjiż u lejn il-poplu. Iżda x’aktarx iddisprezzaw lill-awtorità tal-Qorti wkoll. Skond rapport imxandar fit-Times of Malta dalgħodu, uffiċjali għolja tal-Vitals tkellmu dwar is-sitwazzjoni ddisprata li sab ruħu fiha u li għadu fiha l-maniġer tal-isptar.
“Bħalissa l-ordnijiet għall-akkwist ta’ tagħmir mediku twaqqfu sakemm tidħol fix-xena Steward Health Care. Qalulna li għalkemm il-ftehim kien ġie iffirmat, ma jista’ jsir xejn sakemm jibqa’ fis-seħħ il-mandat tal-Qorti”.
X’inhi din? Dan qed igħid li l-ftehim ġie ffirmat fl-istess żmien meta l-Qorti ordnat il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni. Dan m’hu xejn ħlief disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti. Mandat ta’ inibizzjoni ma jwaqqafx kuntratt “milli jseħħ”. Il-ħruġ ta’ mandat iwaqqfek għal kollox.
Lil Steward Health Care għadna ma nafuhomx. Iżda donnhom qed jintebħu f’liema stat miskin jinsabu l-istituzzjonijiet tagħna.