Jekk jogħġobkom segwu l-intervista li Jacob Borg għamel lill-Ispettur Ian Abdilla.

Din l-intervista fakkritni f’programm televiżiv li kont inħobb insegwi bl-isem Mai Dire Gol. Dan il-programm suppost kien jittratta dwar il-futbol iżda b’xorti tajba mal-futbol ma tantx kellu x’jaqsam. Kienu juri brani minn intervisti televiżivi ma’ players u ma’ coaches u dawn il-brani kienu mbagħad jiġu adattati għad-divertiment tat-telespettaturi.

“Ma nistax nidħol fil-merti tal-investigazzjonijiet. Le ma nistax. Ma nistax inkun speċifiku dwar investigazzjoni partikulari. Hemm ukoll inkjesta maġisterjali dwarhom, allura…. Le, le jien, qatt. Ħadd ma qal li dawn ir-rapporti qatt ma ġew investigati. Kienu investigati. Dawn ir-rapporti kienu nvestigati. Nifhem li kien hemm ukoll mistoqsija fil-Parlament dwarha. Dawn ir-rapporti ġew analizzati. U kienet ser tittieħed aktar azzjoni iżda mbagħad xi ħadd xandarhom u allura issa qed niffokaw fuq l-għoti ta’ kull assistenza lill-maġistrati li jkun u jeħtieġu. Le, irridu naraw ir-riżultat ta’ dawn l-inkjesti u mbagħad inkomplu mmexxu dwarhom minn hemm.

“Qatt m’għidna li ma konniex qed ninvestigaw. Dejjem għidna li konna qed nanalizzaw dawn id-dokumenti sabiex inkun u nistgħu nibqgħu għaddejjin u nagħmlu dak li jeħtieġ. Konna em. Konna em. Eh, qed niġbru l-informazzjoni sabiex, eh, inkunu nistgħu inkomplu bil-passi li jkun imiss li jittieħdu f’dawn il-każijiet. Ma nistax nikkummenta aktar għax issa hemm l-inkjesti maġisterjali”.

X’kien igħid l-Assistant Kummissarju Abdlla li kieku din il-wirja patetika tiegħu, mżgħuda kif kienet b’ħafna tlaqliq, ingħatat minn xi ħadd interrogat minnu? Kien qisu għaġeb tal-presepju hu u jipprova jispjega t-teorija tar-ralattività ta’ Einstein.

Apparti dan it-tlaqliq u tqanżieħ kollu, il-messaġġ li wassal Abdilla kien li l-pulizija kienet waqqfet l-investigazzjonijiet tagħha fuq suspetti ta’ attivita kriminali hekk kif ixxandru r-rapporti u l-poplu sar jaf bihom. U l-iskuża li ġab kienet li ġaladarba infetħu l-inkjesti maġisterjali, il-pulizija ma kellhiex għalfejn toqgħod tinħela fuq dan ix-xogħol.

Ma setax ilissen ħmerija akbar minn din. Ejja ngħidu li Maġistrat jiġi msejjaħ fuq il-lok fejn ikun twettaq reat ta’ ċerta portata. U l-Maġistrat jibda’ jiġbor il-provi u jaħtar l-esperti bħala parti mill-inkjesta. Bil-loġika tal-Ispettur Abdilla, ebda waħda minn dawn ir-reati ta’ ċerta portata m’għandha tiġi investigata mill-pulizija.

Eżempju ieħor: jinstab ġisem mejjet, jeżisti suspett li seħħ reat kriminali, il-Maġistrat jiġi msejjaħ u tibda’ inkjesta. Iżda l-pulizija obbligata tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha wkoll. Il-pulizija għandha s-setgħa li tħarrek lil dik il-persuna li fil-fehma tagħha jeżistu provi biżżejjed biex tiġi proċessata u hija prattika normali li l-pulizija jitloblu lill-magistrate biex jagħlaq l-inkjesta u jgħaddilhom il-provi li jkunu ġew miġbura.

Hekk isiru l-affarijiet meta kulħadd jaqdi d-dmirijiet tiegħu.

Minflok, Ian Abdilla, fost aktar tlaqliq u tqanżieħ, qabad ma’ skuża u dak li kienu fid-dmir li jagħmlu hu u sħabu pprova jixħtu fuq il-Maġistrati li għandhom dmirijiet li huma differenti għal kollox.

Imbagħad kompla jgħaffeġ. Ammetta mhux biss li kien jaf li l-FIAU kienet qed tinvestiga lil Konrad Mizzi iżda li jeżisti rapport dwar il-kwistjonijiet li dan jinsab imdaħħal fihom. U stqarr li dan ir-rapport “il-pulizja ma ratux” bħallikieku kien qed jitħaddet dwar xi ħadd ieħor.

Qal ukoll li l-liġi ma tippermettilux jikxef dak li jaf dwar l-investigazzjonijiet tal-FIAU. Dan huwa minnu. Iżda allura ngħid jien,  “police liaison” bħalu għalfejn qiegħed hemm jekk huwa wkoll miżmum milli jinforma lill-pulizija?

Wara kollox, l-Assistant Kummissarju Ian Abdilla – saqajħ libsin żraben li ċertament ma jiġuhomx – hu l-pulizija.

Ħadd għajr Abdilla m’huwa fid-dmir li jiċċaqlaq ujmexxi . Dan la tista’ tagħmlu l-FIAU, la l-Maġistrati u lanqas il-ġurnalisti.