Jan Kuciak, ġurnalist Slovakk ta’ 27 sena, instab mejjet flimkien mas-sieħba tiegħu fid-dar tiegħu barra Bratislava. Huma ġew assassinati b’tiri ta’ arma tan-nar fi qtil li kollox jindika li hu marbut max-xogħol tiegħu bħala ġurnalist.
L-aħħar storja li investiga Kuciak kienet dwar is-suspetti ta’ frodi fit-taxxa b’rabta ma’ kumpless ta’ appartamenti lussużi fi Bratislava.
Is-sena l-oħra l-każ ta’ dawn l-appartamenti lussużi kien qanqal protesti li sejħu għar-riżenja tal-Ministru tal-Intern Robert Kalinak dwar ir-rabtiet tan-negozju li kellu mal-iżviluppatur tal-bini Ladislav Basternak, li ġie investigat fuq il-possibbiltà ta’ frodi tat-taxxa. It-tnejn li huma qed jiċħdu li għamlu xi ħaġa ħażina.
Is-Slovakkja għandha ekonomija b’saħħitha u l-livell tal-għajxien fil-pajjiż tjieb sostanzjalment minn meta s-Slovakkja daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004, imma ħafna Slovakki xorta huma tal-fehma li pajjiżhom ifalli għalkollox f’dak li għandu x’jaqsam mad-difiża tas-saltna tad-dritt, b’mod partikolari meta jiġi biex jikkastiga t-tixħim u l-korruzzjoni politika.