Robert Musumeci huwa magħruf għal bosta affarijiet: il-mod kif iħaffef il-ħruġ tal-permessi tal-bini, il-ħila li għandu għall-ħolqien ta’ alleanzi politiċi u wkoll għall-ħila tiegħu għall-gabirjoli tal-loġika. Iżda ċertament ma jinqalax għall-mod kif iqiegħed il-kliem.

Bħalissa jinsab mehdi jfajjar it-tweets u jlaqqam “verġni u pur” lil kull min jazzarda li jikkritika lill-allat tewmin tiegħu Joseph Muscat u Adrian Delia. Nazzarda ngħid li jien naf x’inhu jaħseb li qed igħid. Li dawk li jitkellmu dwar id-difetti ta’ ħaddieħor huma “verġni u puri’. Huma l-oqbra mbajjda tal-lum.  Huma l-Fariżej li jiġu sfidati jgaraw l-ewwel ġebla kemm il-darba jkunu jriduha ta’ bla dnub. Fi kliem ieħor – u wkoll biex inġebbdu xi ftit il-metafora biblika għaliex lili Robert Musumeci jakkużani li jien ‘verġni u pur” – nies li jikkritikaw it-tibna f’għajn il-politiċi tagħna iżda ma jindunawx bit-travu f’għajnhom.

Jien m’inix ‘verġni u pur’. Iżda ngħidha ċara u tonda li jien verġni u pur ħafna aktar minn dawk li ordnaw il-qtil ta’ ġurnalista. U dan ma nistħix ngħidu. Għandi nifhem li Robert Musumeci huwa aktar “verġni u pur” minnhom ukoll u li, skont hu, l-allat tewmin tiegħu huma aktar “verġni u puri” mill-assassini ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-livelli ta’ Robert Musumeci huma aktar baxxi minn tiegħi iżda nippretendi li m’humiex daqstant baxxi li jasal li jiskrupla li jikkritika l-qattiela u l-assassini  u li jitlob li ssir ġustizzja magħhom.

Iżda apparti dan kollu, huwa fatt li dawk li jikkritikaw lill-politiċi jippretendu li l-politiċi għandhom ikunu fost l-aktar nies ‘verġni u puri’. Ċertament “verġni u puri’ aktar milli hu Robert Musumeci li għandu l-ħabta li jikkritika lil dawk li bir-raġun kollu jippretendu livelli għoljin ta’ komportament etiku minn dawk li jservu fil-ħajja pubblika.

Ħadd m’hu jippretendi l-perfezzjoni fi ħwejjeġ li jkunu indaħħlin fihom il-bnedmin tad-demm u l-laħam. Iżda tal-anqas wieħed għandu jippretendi li dawk li jagħżlu li jmexxu lill-pajjiż jkunu soġġetti għall-iskrutinju pubbliku u għall-kritika ta’ dawk li Robert Musumeci xeba’ jlaqqamhom bħala “verġni u puri’.

Nistennew li dawk li jkunu akkwistaw il-fiduċja tal-poplu għandhom jaġixxu b’mod onorevoli u li għandhom iwarrbu mis-setgħa meta dik il-fiduċja tiġi abbużata.

U nistennew ukoll li l-ġurnalisti m’għandhom jinqatlu għax ikunu għamlu xogħolhom. Inkunu “verġni u puri’ wisq jekk ninsistu dwar dan?