Il-Pilatus Bank se jingħalaq. Din l-aħbar ingħatat minn ħadd anqas mill-avukati ta’ Ali Sadr innifsu permezz ta’ dokumenti li ġew sottomessi fil-qorti federali ta’ New York fejn l-Iranjan mixli dwar frodi qed jissielet biex jingħata l-liberta proviżorja.
L-istorja xandarha id-Deputat Parlamentari Karol Aquilina fi tweet aktar kmieni llum.
BREAKING: Dokunemti li għandi fil-pussess tiegħi jindikaw li @PilatusBank bdiet il-proċess biex tiġi likwidata. Il-bankier sigriet ta’ @keithaschembri Ali Sadr Hashemi Nejad ħarab u rranġa r-reputazzjoni ta’ #Malta għall-frisk pic.twitter.com/ibTeUtY5uF
— Karol Aquilina (@KarolAquilina) April 24, 2018
L-avukati tiegħu infurmaw lill-qorti ta’ New York li Pilatus Bank qed tiġi likwidata minħabba azzjonijiet li ħa l-gvern Amerikan kontra Ali Sadr li m’humiex marbutin mal-Pilatus Bank. Dawn l-avukati qed isostnu wkoll li l-awtorità Maltija ma kinitx tieħu azzjoni kontra l-Pilatus Bank li kieku l-gvern Amerikan ma arrestax u ma xeliex lil sid il-bank.
Aqraw estratt mid-dokument hawn isfel:
Dan seta’ tabilħaqq kien il-każ. L-awtoritajiet Maltin ilhom jafu x-xhur u s-snin bl-istejjer dwar ħasil ta’ flus maħmuġin u r-riħa tinten ta’ korruzzjoni fl-uffiċċji dilettanteski, kaotiċi u informali tal-Pilatus Bank u xorta baqgħu m’għamlu xejn.
Bis-saħħa tad-diversi aġenziji regolatorji u tal-infurzar, ħadd aħjar mill-gvern Malti ma seta’ jkun f’pożizzjoni li jxomm ir-riħa u jinduna bit-taħwid li kien hemm fil-Pilatus Bank. Ħadd minn dawn l-aġenziji tal-gvern ma ħa xi azzjoni kontra l-Pilatus Bank u bis-saħħa t’hekk kien hemm salt riżenji, tkeċċijiet u, f’każ wieħed, saħansitra l-arrest ta’ persuni li kienu xhieda dwar l-illegalitajiet li kienu qed iseħħu fil-Pilatus Bank.
U fi stadju minnhom, il-poplu Malti sar jaf b’dawn l-illegalitiajiet bis-saħħa tal-istejjer imxandra minn Daphne Caruana Galizia. Minn dakinhar ‘l hawn, dawn l-istejjer ġew verifikati u konfermati u wħud minnhom komplew jiżviluppaw b’skoperti oħra ta’ diversi aġenziji tal-aħbarijiet madwar id-dinja.
Il-gvern Malti beda’ jiċċaqlaq biss u beda’ jieħu miżuri biex jieħu l-Pilatus Bank taħt idejh meta Ali Sadr ġie arrestat u ttieħdu passi kontrih.
Madankollu l-informazzjoni li qed jingħata l-pubbliku hija skarsa, jekk mhux ineżistenti, u dan minkejja l-interess politiku ovvju li hemm f’dan il-Bank u issa fl-għeluq tiegħu.
B’xorti tajba l-informazzjoni li jonqos li jxandar il-gvern Malti xi drabi insibuha ġejja minn għejjun fejn l-inqas nistennewha. Din id-darba ġiet minn fomm il-bankier tal-ħallelin innifsu.