Il-Pulizija ma weġbitx għall-mistoqsija dwar jekk, fil-fehma tagħhom, xi ħadd kienx tarraf kelma lill-allegati assassini li tqabbdu biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia qabel l-arrest tagħhom. Il-Pulizija għandha twieġeb. Il-Pulizija m’humiex biss fid-dmir li jarrestaw lil min ikun suspettat bit-twettiq ta’ reat kriminali. Ma tridx wisq għerf biex tarresta lil xi ħadd f’pajjiż żgħir bħalma hi Malta. Ix-xogħol iebes tal-Pulizija jibda’ meta jsiru sforzi biex jinġabru u jiġu priservati l-provi li jistgħu jwasslu għall-kundanna mill-Qorti. Kelma mgħoddija minn wara l-kwinti fi żmien propizju tista’ tagħmel id-differenza kollha għas-suċċess jew għall-falliment tal-każ tal-prosekuzzjoni. Min igħaddi informazzjoni lil kriminal dwar deċiżjoni tal-arrest tiegħu qabel dan jiġi arrestat ikun qed jikkopera ma’ min ikun qed jipprova jaħrab mill-ġustizzja. Tfisser ukoll kompliċità fit-twettiq ta’ reat kriminali.
Iċ-Ċiniż ilu għal bosta snin protagonist fiċ-ċirkli tal-kriminalità. Il-Pulizija ilha taf bih u dan il-fatt jista’ jfisser ħafna xorti. Jista’ jfisser li ċ-Ċiniż għandu storja twila ta’ kundanni mill-Qorti. Jista’ jfisser ukoll li l-Pulizija għandha tagħrif dwar ksur tal-liġi minn naħa tiegħu iżda mhux biżżejjed informazzjoni li tista’ twassal għal kundanna tiegħu mill-Qorti. Iżda jista’ jfisser ukoll li dan il-bniedem għandu l-“ħbieb” libsin l-uniformi. Huwa magħruf li l-kriminalità organizzata ħafna drabi tfittex li jkollha s-“swaba” fil-qalba tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Dan hu inevitabbli daqs kemm hu wkoll tal-waħx. U hawn Malta ċertament m’aħniex eżenti minn dan ix-xenarju. L-ibħra tagħna huma miftuħa u vulnerabbli u l-omiċidji u l-assassinji huma biss dak li jidher mill-iceberg minn wiċċ il-baħar ‘il fuq. M’għandniex niskantaw bl-eżistenza ta’ dawn is-“swaba” fil-qalba tal-korp tal-Pulizija. Għalkemm jidher li għad hawn min jissorprendi ruħu b’dan.
Allura l-mistoqsija li għandha ssir lill-Pulizija hi din: il-Pulizija teskludi li xi ħadd mill-Kwartier Ġenerali tagħha tarraf kelma lill-assassini xi ħin qabel l-arrest tagħhom? Jekk ma tistax teskludi dan, għamlet investigazzjoni dwar dan is-suspett u, jekk din saret, x’kien ir-riżultat? Irrid nagħmilha ċara li m’hix l-intenzjoni tiegħi li nitfa’ xi dell fuq l-uffiċjali li arrestaw lis-suspettati, li investigawhom u li ħarrkuhom. Il-Kwartier Ġenerali tal-Pulizija huwa post kbir u kumpless.