Hekk jixtieq, hux vera?
Bħala studenti, aħna kapaċi nagħrfu illi aħna fortunati ħafna talli mhux biss nistgħu nattendu l-Università b’xejn, iżda talli nitħallsu biex nattendu, permezz tal-istipendji. Peró, għażiż Joseph, billi iżżidilna mitt ewro fis-sena fl-istipendju, nassigurak li mintix ħa tixtrini.
L-edukazzjoni u l-ħsieb kritiku huma żewġ għodda essenzjali, u ħafna minna ż-żgħażagħ wasalna fejn wasalna fil-ħajja studenteska tagħna permezz ta’ dawn l-għodda. Allura, Joseph, nistgħu naraw x’qed tipprova tagħmel.
Imbilli qed iddaħħal ħafna flejjes f’pajjiżna mill-iskema taċ-ċittadinanza Maltija (għax għalik qisu xejn mhu xejn biex tagħmel prezz fuq xi ħaġa prezzjuża daqs kemm hija ċ-ċittadinanza Maltija) u imbagħad iżżidilna l-istipendju b’mitt ewro kull sena, ma tantx se tikkonvinċina ta’ veru illi aħna xi tip ta’ prijorità għalik. Agħar minn hekk, bir-raġun nistgħu ngħidu illi l-flejjes li qiegħed iddaħħal mhumiex kollha minn sorsi leġittimi, bħalma spjegat l-Kummissarju tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová f’Awissu:
“Huwa ta’ nkwiet kbir li ċittadin mir-Russja li ilu jaħdem għal ħajtu kollha fil-‘middle’ jew ‘senior’ management – fejn il-pagi ma tantx huma għoljin – f’daqqa waħda għandhom il-flus biex jixtru ċ-ċittadinanza f’Malta”.
Dan ifisser, Joseph, illi qisek ma tantx jimpurtak mis-sigurtà kemm tagħna kif ukoll taċ-ċittadni fl-Unjoni Ewropea, ladarba qed iddaħħal nies suspettużi f’pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea (li, bil-ħaqq, fiha eluf ta’ opportunitajiet għalina ż-żgħażagħ. Iżda inti xorta waħda ħdimt u ppruvajt kemm flaħt biex ma nsirux parti minnha qabel ir-referendum fl-2003). Din hija l-‘masterplan’ tiegħek għall-ekonomija Maltija, minflok xi tip ta’ implementazzjoni xierqa għal ekonomija innovativa u b’saħħitha. Grazzi Joseph!
Nixtieq nassigurak ukoll illi kull min jaf daqxejn fuq l-istorja tal-dinja jaf illi l-flus la qatt ma kien u lanqas mhu se jkun l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja tagħna. Kulħadd jaf li d-drittijiet fundamentali tagħna huma l-prijorità. Li jinteressana l-iżjed huwa li ngħixu fi stat demokratiku, fejn id-drittijiet umani, fosthom il-libertà tal-espressjoni li mid-dehra il-Gvern tiegħek ma jistax għaliha, jirrenjaw. Joseph, peress illi aħna għandna l-kapaċitajiet tal-qari u tal-ħsieb kritiku, nistgħu naraw li bla ebda dubju li ngħixu f’demokrazija ta’ vera mhijiex prijorità għalik.
Għas-sitwazzjoni tal-lum hawn Malta u Għawdex, tispikka kwotazzjoni xierqa ħafna mill-ktieb fenominali ta’ Margaret Attwood ‘The Handmaid’s Tale’ (l-istess kittieba li sejħet għar-riżenja tal-ħabib tiegħek Jason Micallef flimkien ma’ Pen International):
“Sanity is a valuable possession; I hoard it the way people once hoarded money”.