Il-gvern qed jirrifjuta li jxandar id-dettalji dwar kemm se jibdew jitħallsu l-imħallfin u l-maġistrati wara li laħaq ftehim magħhom. X’aktarx li se jibdew jaqilgħu madwar €100,000 fis-sena – ċifra li għal bosta tfisser ħafna flus.
M’għandniex xi ngħidu, dawk li jaħsbuha b’dan il-mod m’humiex imħallfin. Lanqas m’huma professjonisti veterani mgħallma mimlijin esperjenza u li m’għażlux li jċedu dak li kien jeħtieġ li jċedu biex jagħtu servizz lill-pubbliku. Bosta huma dawk li ma jifhmux kif salarju ta’ mħallef ta’ €100,000 fis-sena m’huwiex xi ħaġa ta’ barra minn hawn.
L-iskuża uffiċjali li qed iġib il-gvern għar-rifjut tiegħu li jxandar id-dettalji hi li dawn jistgħu jintużaw minn oqsma oħra li qed jinnegozjaw il-pagi u l-kundizzjonijet tal-ħaddiema tagħhom. U li għalhekk huwa ħażin li jiġu mgħollija l-aspettivi dwar dak li jkun lest li jagħti l-gvern.
Hawn il-gvern mhux qed jirreferi għall-għalliema, għall-infermiera, għall-pulizija, għas-suldati, għall-avukati u għall-periti li jaħdmu mal-gvern. Għalkemm, jekk irridu nkunu onesti, jeħtieġ li nammettu li dawn ilkoll m’humiex imħallsa kemm suppost għal dak li qegħdin jiġu mitluba li jagħtu lill-pajjiż.
Il-gvern qed jibża’ mill-aspettativi ta’ dawk li għandhom kariga li tista’ tipparagunaha ma’ dik ta’ mħallef jew maġistrat. Bħalma huma managers anzjani fis-servizz pubbliku, professjonisti, membri parlamentari u saħansitra anki Ministri (għalkemm, għandi nifhem li dawn jafu kemm se jibdew jaqilgħu l-Imħallfin).
Issa għamlu paragun mal-ispjegazzjonijiet li għamel il-gvern dwar il-mod kif innegozja ma’ tal-Corinthia il-prezz ta’ 100,000 metru kwadru ta’ art residenzjali u kummerċjali fil-Bajja ta’ San Ġorġ.
Spjegazzjoni faċli, qalilna Konrad Mizzi. Kejjlu bl-istess xiber li wżaw għan-negozju li sar mad-DB Group għall-art li hemm ftit il-bogħod minn dik tal-Corinthia.
F’dan il-każ, il-gvern m’għamel ebda sforz biex jipprova jinnegozja minn pożizzjoni ta’ vantaġġ.
Għallinqas f’għajnejn in-nies, l-uniku vantaġġ li rsistew għalih huwa ta’ dawk li se jakkwistaw appartamenti li jiswew miljuni ta’ ewro faċċata tal-baħar – prezzijiet li anki l-aktar imħallef ħabrieki – aħseb u ara għalliem, infermier, pulizija jew perit li jaħdmu mal-gvern – ma jista’ qatt joħlom li jlaħħaq magħhom.
Tifhmunix ħażin. M’għandi ebda għira għal min hu għani. L-għira m’għandha x’taqsam xejn.
Madankollu mingħand il-gvern tiegħi nistenna tliet kunsiderazzjonijiet bażiċi: li dawk li jipprovdu servizzi lill-pubbliku jkunu mħallsa b’mod adegwat; li l-gvern jiggarantixxi l-meritokrazija – jiġifieri timxi ‘l quddiem għax ikun ħaqqek mhux għax issib lil min jimbuttak; u li r-riżorsi tal-gvern, limitati kemm ikunu limitati, jiġu wżati b’riżq dawk li huma fin-naħa t’isfel tas-soċjetà.
Nifhem li r-riżorsi tal-gvern huma limitati u m’jiniex wieħed minn dawk li jemmnu f’aktar infieq u fil-preżenza dejjem akbar tal-istat fil-ħajja taċ-ċittadini — għalkemm, fiċ-ċirkostanzi attwali, infieq akbar jista’ jkun ġustifikat.
Għaldaqstant naċċetta li l-ħlas lill-imħallfin ma jistax ikun bla limitu u li l-infieq tal-gvern għandu jkun bil-qies anki fuq affarijiet li huma l-aktar neċessarji.
Iżda mbagħad wieħed kif jista’ qatt jiġġustifika l-għoti tista’ tgħid b’xejn minn naħa tal-gvern ta’ art pubblika stmata li tiswa’ mas-€700 miljun lil persuni li diġa’ huma fost l-akbar sinjuruni? X’sens jagħmel dan kollu?
Iva, tista’ tgħid li l-art se tingħata b’xejn. Dawk in-nies li għalihom salarju ta’ mħallef ta’ €100,000 huwa “ħafna”, lanqas biss jibdew biex jifhmu li €17 il-miljun m’huma assolutament xejn.
U dan biex ma nsemmux li lanqas ċenteżmu wieħed minn dan l-ammont se jitħallas qabel tiġi żviluppata l-art u jibdew jinbiegħu l-appartamenti.
Bosta huma dawk li m’humiex jifhmu x’inhu għaddej. Din hi r-raġuni għaliex, hekk kif iseħħ dan in-negozju, x’aktarx li Konrad Mizzi se jistenna li jidher aktar ħelu milli deher Owen Bonnici meta ftiehem li jżid il-pagi tal-imħallfin.