X’aktarx li dawk ta’ madwaru m’humiex se jagħtuh dan il-parir. Is-sens komun ilu żmien mhux ħażin li abbanduna il-kuriduri tad-Dar Ċentrali fejn bħalissa qed tiddomina mentalità ta’ assedju u sitwazzjoni fejn ir-realta’ twarrbet fil-ġenb.
Ċertament lanqas is-segwaċi numerużi tiegħu m’huma se jtuh dan il-parir. Dawn ikunu qed jagħmlu xogħolhom meta juruh l-appoġġ kemm fil-maltemp kif ukoll fil-bnazzi. Jien ta’ sikwit nikkritika l-partitarji tal-politiċi għalkemm nista’ nifhem li ebda mexxej ma jista’ jkampa waħdu fil-maltemp mingħajr is-sostenn tal-partitarji. U xi drabi ma jimpurtax jekk mhux il-partitarji kollha jkunu fehmu r-raġunijiet tal-kawża li jkunu qed jiġġieldu għaliha. Iċ-ċapċip u l-applawsi tagħhom jistgħu jkunu biżżejjed għalih biex iħeġġuh ikompli fit-triq li jkun qabad.
M’hemmx dubju li Adrian Delia jifhem sew li għandu piż enormi x’iġorr minħabba l-allegazzjonijiet li għamlet martu fil-Qorti fil-konfront tiegħu. Minbarra martu u wliedu, hu biss jaf kemm huma minnhom jew le dawk l-allegazzjonijiet. Huwa jaf ukoll li hemm affarijiet li għadhom ma ntqalux u l-kuntest ta’ dak li diġa’ ntqal.
Iżda dik hija kwistjoni li jista’ jsibu tarfha hu, martu u l-Imħallef li se jiddeċiedi l-kawża tas-separazzjoni ta’ bejniethom.
Madankollu Adrian Delia m’huwiex biss bniedem li wasal biex jinfired minn ma’ martu.
Hu wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u jeħtieġ jara jekk għadx għandu l-ħila li jeżerċita dan ir-rwol.
Adrian Delia jaf li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu huma serji ħafna. Jaf ukoll li bħalissa għaddejjin ħafna xniegħat dwar dawn l-allegazzjonijiet. Matul l-aħħar jumejn, jien irċeverjt biżibilju ta’ messaġġi tal-WhatsApp bi screenshots ta’ abbozz elettroniku tar-risposta bil-miktub li ppreżentat mart Adrian Delia fil-Qorti.
Inevitabilment in-nies qed tegħlibhom il-kurżita’.
Ħadd m’għandu d-dritt li jqis dawn l-allegazzjonijiet bħala Vanġelu. Daqs kemm ħadd m’għandu dritt jiġbed konklużjoni li dawn l-allegazzjonijiet m’huma xejn ħlief salt gideb. L-Imħallef biss – li se jkun sema’ l-qniepen taż-żewġ naħat u lill-esperti u jkun għarbel il-provi – ikollu d-dritt jasal għal konklużjoni imsejsa fuq dak li tipprovdi l-liġi.
Is-sentenza se tingħata bejn l-erba’ ħitan tal-Qorti u l-bogħod mill-pubbliċita’ li nħolqot minħabba l-kurżita’ tal-pubbliku kif ukoll minħabba r-rwol politiku u kostituzzjonali li jattira l-interess tal-pubbliku li jsir jaf il-karattru veru tal-mexxejja tiegħu.
Jien m’hux qiegħed hawn biex noqgħod nirrepeti l-allegazzjonijiet li saru fil-Qorti fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni minn martu. Lanqas m’jien bi ħsiebni ngħaddi ġudizzju dwar kemm tista’ toqgħod fuq min għamel l-allegazzjonijiet.
Ma tkunx ħaġa sabiħa jekk xi darba uliedhom ifittxu x’kien inkiteb dwar il-ġenituri tagħhom fi żmien tfulithom u jsibu ħafna dettalji fuq il-blog tiegħi dwar il-problemi li kellhom ma’ wiċċhom f’darhom.
Madankollu Adrian Delia jaf li hemm riskju kbir – kważi b’ċertezza – li dawn l-allegazzjonijiet jixxandru u li jista’ biss iħares il-kariga kostituzzjonali li jokkupa, il-partit li jmexxi u lil uliedu billi jwarrab mill-aktar fis.
Adrian Delia jifhem ukoll – jew għallinqas nippretendi li għandu jifhem – li dawn l-allegazzjonijiet se jeffettwaw il-kapaċita’ tiegħu li jokkupa l-kariga li għandu, biex ma ngħidu xejn għall-kariga li qed jaspira li jokkupa.
It-traġedja tikkonsisti fil-fatt li dawk ta’ madwaru qed iħeġġuh biex ikompli jissielet.
U s-segwaċi tiegħu se jibqgħu jiddefenduh u jsostnuh sakemm hu jibqa’ jmexxi. U dawn ser jibqgħu jisparaw fuq dawk il-ftit li qed jiġbdu l-attenzjoni għal dak li issa sar minn ewl id-dinja.
Anki f’ġieh is-segwaċi leali kollha tiegħu, Adrian Delia għandu jerfa’ r-responsabbilta’ u jieħu f’idejh id-destin tiegħu. Għalkemm issa forsi tard wisq, xorta waħda għadu biċ-ċans li jwarrab b’rasu mgħollija.
Għandu jintebaħ li l-weġgħa taf tkun akbar jekk ikompli jillużinga.