Dalgħodu fl-9.45, Malta Today xandret is-sejħa ta’ Charlon Gouder biex titkeċċa d-Direttriċi Ġenerali tas-Sajd minħabba l-istejjer li feġġew fl-istampa Spanjola dwar it-tixħim li seħħ fl-industrija li hu stess ifekren fiha.
Din is-sejħa saret eżatt fl-istess ħin li Ivan Martin tat-Times of Malta xandar tweet li fiha rrifera għall-għejjun mill-gvern li qalulu li din fil-fatt kienet ser tiġi sospiża.
Din il-manuvra kellha xamma ta’ mossa miftehma minn qabel biex titnaqqas il-ħsara li saret.
Minbarra li jaħdem ta’ avukat ta’ dawk li jsemmnu t-tonn (biex ma jiħdux għalihom ejja nsejjħulhom bl-isem proprju tagħhom: il-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura), Charlon Gouder huwa wkoll magħruf sew bħala persunaġġ ewlieni fost il-klikka Tagħna Lkoll tal-Partit Laburista.
Għalkemm għamel tabirruħu li kien sorpriż b’dak li kien seħħ meta “tkellem” ma’ tal-Malta Today dalgħodu, Charlon Gouder ilu żmien mhux ħażin midħla tal-problemi f’dan il-qasam.
L-istess Matthew Vella li kellmu dalgħodu, kien kellem lil Charlon Gouder madwar xahrejn ilu meta diġà kien beda’ jberraq. Dak iż-żmien Charlon Gouder kien stqarr li l-klijenti tiegħu kienu ħatru avukat Spanjol biex isegwi “investigazzjoni dwar is-sajd illegali tat-tonn”. Għall-bidu tista’ forsi taħseb li dawn l-istejjer ifeġġu bħal sajjetti fil-bnazzi. U mbagħad tintebaħ li tkun qed tiġi manipulat.
Aqraw x’kien qal Charlon Gouder lil tal-Malta Today f’Diċembru li għadda: “iċ-chief executive Charlon Gouder qal li fi stqarrijiet li kienet ħarġet l-Europol, ma kienet saret ebda riferenza għal tonn imsemmen f’Malta iżda għal tonn allegatament maqbud f’ibħra Taljani u Maltin.
“Fl-interess tagħna li niżguraw li l-investigazzjoni ma jkollha x’taqsam xejn mal-industrija tagħna tas-simna tat-tonn,’ qal Gouder, hu u jispjega r-raġuni għala nħatar avukat Spanjol biex iħares l-interessi tagħhom fi Spanja.
“L-investigazzjoni tidher li qed tiffoka fuq is-sajd għat-tonn u mhux fuq it-trobbija tat-tonn mill-produtturi Maltin fl-akwakultura.”
Issa rriżulta li ma kienx korrett. Is-sajd illegali tat-tonn kien qed jitgħatta bil-paraventu tat-trobbija u s-simna tat-tonn fil-gaġeġ fl-ibħra Maltin.
Din l-istorja nebbħet bosta kummenti. Kien hemm min kiteb li tat tifsira ġdida għall-klema Ingliża “fishy“. ‘Il-ħuta minn rasha tinten’.
Il-ħsieb biss li tonn imsemmen qed jintuża biex jitgħatta s-sajd illegali huwa pervers minnu nnifsu.
Kummentatur fuq din il-website ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-pulizija Spanjola qed issostni li, weħidha, din il-kumpannija Spanjola għandha gaġeġ fl-ibħra Maltin li jesgħu 9000 tunnellata ta’ ħut u dan meta l-kwota intiera tal-UE għall-kumpanniji kollha tas-sajd hi inqas minn 16,000 il-tunnellata. Jekk ħadd ma ntebaħ x’kien qed jiġri, is-sidien l-oħrajn tal-gaġeġ li jservu biex jissemmen it-tonn u li huma l-istess nies li jġiegħluna ngħumu fil-ħmieġ tagħhom, m’hemmx dubju li kienu ntebħu.
Jew baqgħu siekta għaliex kienu ħammġu jdejhom jew inkella kienu jafu li l-ħmieġ kien ser jitnaddaf.
Għaġeb tal-għeġubijiet dalgħodu Charlon Gouder, minn fost in-nies kollha, qal li anki li jekk għandu dejjem jkollha l-presunzjoni tal-innoċenza favur tagħha u li l-qanpiena tad-Direttriċi tas-Sajd għadha ma nstemgħetx, huwa importanti li r-reputazzjoni tal-industrija tibqa’ intatta. Għalhekk għandha tiġi sospiża. Immedjatament.
‘Issospenduha issa u ppriservaw il-provi.’
Dnub li Charlon Gouder ma tqabbadx biex iħares ir-reputazzjoni tal-ministri tal-gvern ta’ Malta għax kieku Konrad Mizzi u Keith Schembri ilhom li tkeċċew. Bl-istess kejl ta’ Charlon Gouder, Joseph Muscat kien jirriżenja f’dak il-lejl kiesaħ ta’ April u l-provi kienu jiġu priservati u, waqt li hu kien jibqa’ preżunt innoċenti, kien iwieġeb il-mistoqsija dwar min hu sid l-Egrant.
Iżda, m’għandniex xi ngħidu, Joseph Muscat m’huwiex ħuta.