Manuel Micallef, ideologu tal-Partit Laburista u preżentatur tat-televiżjoni li aktar moħħu biss biex jidher, reħielha għall-Facebook biex mingħalih jaqsamna bid-daħk. Għall-inqas, nittama li kien qed jiċċajta anki bis-saħħa ta’ ċajta mill-aktar patetika. Dan l-imbierak kiteb il-kliem li ġej:

Mingħalih ried idaħħakna b’kitba bħal din? Jaqaw kellu f’moħħu li jagħtina introduzzjoni qabel ifaqqa’ xi ċajta oħra razzista? Jew inkella ried forsi jipprovoka dibattitu ta’ natura etika? Dan kiteb dwar l-għażla li jkun jeħtieġ li ssir bejn żewġ pazjenti għall-kura. Huwa jaf li f’għażla bħal din, ir-razza m’hix u qatt m’għandha tkun konsiderazzjoni determinanti u li deċiżjonijiet bħal dawn jiġu msejsa fuq liema pazjent ikollu l-akbar ċans kliniku li jeħlisha mill-mewt. U jaf ukoll li min jiġi minn pazjent, ikun f’kunflitt ta’ interess u jkollu jħalli deċiżjoni bħal din f’idejn ħaddieħor.

Iżda Manwel Micallef jaf ukoll li bosta mill-qarrejja tiegħu, dan il-fatt ma jafuħx. Għal bosta mill-qarrejja tiegħu, l-etika m’hix xi ħaġa li tmur lil hinn mill-preġudizzji u mill-preferenzi intuwittivi li jista’ jkollhom. U bis-saħħa ta’ hekk, deherlu li għandu jitfa’ l-ħatab fin-nar f’każ li jsib xi proxxmu li jmur igħid li raġel Afrikan ta’ 21 sena, li ma jistħoqqlux li jgħix minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu, sserva b’makna tan-nifs li kien messha ngħatat lil nannuh.

Manuel Micallef ma jgħidilniex x’imissna nagħmlu biex naraw li jkun hemm biżżejjed makni tan-nifs għal kulħadd. Meta konna għadna fl-iskola tan-nuna konna nistqsu lil xulxin mistoqsijiet bla sugu bħal: jekk oħtok u ġbintek ikunu qed jegħrqu f’għadira u tista’ ssalva waħda minnhom biss, lil min minnhom kont terħilha tegħreq?

Jidher li Manuel Micallef għandu tweġiba lesta għal din il-mistoqsija. Issa ibqgħu ċerti li ser joħroġ igħid li hu m’huwiex razzist u li allaħares ikun hemm min ifettillu jakkużah b’razziżmu. Issib li min hu razzist ikun minn ta’ quddiem biex jiċħad dan bl-aħrax. Forsi Manuel Micallef ser igħidilna li bosta mill-ħbieb tiegħu għandhom karnaġjon iswed.

U biex ma jieħu għalih ħadd, għall-mistoqsija li tinsab fit-titlu ta’ din il-kitba forsi jista’ jwieġeb billi jgħid li kien idaħħal tnejn quddiem, tnejn fuq wara u l-bqija jaħraqhom.

Tweġġa’, hux tassew?