Il-filmat li fih Robert Abela jinstema’ jħabbar li f’Marzu konna ser nitilqu niġru leħaq infirex sewwa qabel tħabbret l-aħbar inevitabbli li ser jittieħdu miżuri aktar iebsin f’attentat biex titwaqqaf u tiġi kontrollata l-firxa tal-imxijja.
Anki dawk li huma mill-aktar xettiċi u ambivalenti skantaw bir-rati għoljin ta’ infezzjoni li issa qed jaqbżu t-300 kuljum. L-imwiet qed jiżdiedu u bosta huma dawk li qed jintebħu bir-realtà li l-wasla tal-vaċċin tana sens ta’ sigurtà falza.
M’hemmx fejn wieħed jitfixkel. Il-vaċċin jagħti protezzjoni lil dawk li jkunu tlaqqmu. Iżda dawk li għadhom qed jistennew biex jitlaqqmu ma jistgħux jibqgħu għaddejjin bħallikieku m’hu jiġri xejn.
Iżda Robert Abela ilu jwebbilna biex “ingawdu s-sajf”, biex “ma nibżgħux”, biex “nerġgħu lura għan-normalità” u biex, minn Marzu, “nitilqu niġru”.
Kien messna qgħadna aktar attenti. Il-bieraħ Robert Abela ipprova jiddieħak b’Bernard Grech u sfidah biex igħid x’kien jagħmel hu li kieku kien fiż-żarbun tiegħu. It-tweġiba tinsab f’dak li jgħidu s-sens komun u l-loġika.
Issa li t-temp beda’ jibbnazza, issa li n-nies tkun iktar imħajra toħroġ barra, issa li l-btajjel tal-Għid jinsabu wara l-bieb u l-iskejjel dalwaqt jibdew jaħdmu bin-nofs ta’ nhari: proprju issa ser ngħalqu r-ristoranti.
F’Jannar u Frar, lir-ristoranti ppermettejnilhom jibqgħu miftuħin u għamilna tabirruħna li l-infezzjonijiet li nfirxu bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, fil-fatt ma nfirxux. U issa, fi żmien li fih is-sidien tar-ristoranti kienu qed jittamaw li jibdew jaraw xi ftit xogħol, ser jiġu mġiegħla jagħlqu għal darb’oħra.
U, m’għandniex xi ngħidu, n-negozji ser jerġgħu jiġi kostretti jibgħatu l-ħaddiema tagħhom biex jaħdmu mid-dar b’detriment għall-ekonomija.
L-imxijja m’hix problema li qed jiffaċċja pajjiżna biss. Robert Abela hu l-problema li għandha Malta: dan hu pajjiż li qed jitmexxa’ minn vavu.
L-imġieba tiegħu fil-konferenza stampa li għamel illum wriet li jinsab taħt tensjoni kbira. Donnu li issa qed jintebaħ li l-ottimiżmu żejjed li kellu tul dawn l-aħħar xhur mhux ser ikun biżżejjed biex il-pajjiż ikun jista’ jegħleb il-mewġ. Huwa rrabja ma’ ġurnalisti li staqsewh mistoqsijiet pertineti, għolla leħnu, għolla ħuġbejh u mmutettja kemm felaħ.
Kien kollox barra kalm u wera’ li s-sitwazzjoni ħarbitlu minn taħt idejh. Kien qiesu bniedem fil-paniku ta’ għarqa imminenti.
Illum rajna prim ministru li rrifjuta li jammetti li l-kontroll m’huwiex f’idejh u li fil-fatt qatt ma kien.
Isimgħu minni f’ġieħ kemm hemm. Toqgħodux tistennew id-direzzjonijiet mingħand vavu bħal dan. Ipproteġu lilkom infuskom u lill-għeżież tagħkom. Toħorġux minn darkom. U ttamaw li mhux ser tkunu teħtieġu lil dawk li jinsabu fir-riedni tal-pajjiż biex tħares saħħtek.
Dawn l-anqas biss jafu x’inhuma jagħmlu.