Inħeġġiġkom issegwu din is-sensiela. Tajjeb li mmorru lura fiż-żmien għaliex tkunu tistgħu tintebħu kif politiċi tal-Labour kienu libsu l-maskri ma’ wiċċhom biex jikkonvinċuk li huma dejjem kienu konsistenti. Iżda kull darba li narrattiva li jippruvaw ibellgħu ma tkunx konsistenti mal-fatti, jippruvaw jagħmlu minn kollox biex inessuk.
Araw naqra li Owen Bonnici – bniedem li bosta kienu dawk li ħasbu li kien xi stilla tal-Partit Laburista. Kienet għadha kemm feġġet l-aħbar li Keith Schembri kien ħoloq trust fi New Zealand biex din tkun is-sid tal-kumpannija fil-Panama.
Dan kien skandlu li kien messu wassal biex Keith Schembri (u Konrad Mizzi li kien għamel l-istess ħaġa) ittajjar minn postu. Kien messu ġie mġiegħel iwarrab dak il-ħin stess.
Dan l-aħħar smajna li nġiebet prova li, biex ħolqulu dawn l-istrutturi, tan-Nexia BT tħallsu €9,000 mingħand Keith Schembri. Kull min għażel li jiftaħ kont bankarju f’bank jaf li, min igħaddi minn dawn il-proċeduri kumplikati kollha biex sempliċement jinfetaħ kont bankarju, ma jiswiex tebaq fwiedu.
Napprezza l-fatt li n-nies li taqlagħha u tiekolha wara li tkun ħallset it-taxxa dovuta minnha, diffiċli għaliha biex tifhem il-manuvri kumplikati li jwasslu għal layering u għall-ħasil ta’ flus maħmuġin.
U napprezza wkoll li hemm minn jippreferi li jammira lil min ikollu ħafna flus mingħajr ma jistaqsi lilu nnifsu mnejn dawn il-flus setgħu waslu f’butu.
Iżda Owen Bonnici – u l-kollegi ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi fil-kabinett – dawn il-manuvri jifhmuhom sewwa. U din hi appuntu r-raġuni l-għala huma responsabbli talli b’dawn l-“ispjegazzjonijiet” għaddew poplu sħiħ biż-żmien.
L-aħbar li Keith Schembri ħoloq l-istrutturi fi New Zealand u l-Panama, Owen Bonnici jinstema’ jċekkinha u jsejjħilha kontravvenzjoni amministrattiva li ta’ spiss tiġri lil “diversi impjegati” u li tista’ tissewwa b’arranġament mad-dipartiment tat-taxxa.
Innutaw li għamel użu ripetut mill-kelma “amminstrattiv” biex b’hekk ma jsejjaħx l-imġieba ta’ Keith Schembri dik li fil-fatt kienet: jiġifieri mġieba kriminali. U l-kliem ‘diversi impjegati’ ħadu post il-kliem ‘politiċi korrotti li abbużaw mis-setgħa politika biex jimla’ l-bwiet tiegħu’. U l-kelma ‘tissewwa’ ħadet post il-kliem ‘jieħdu dak li ħaqqhom skont il-liġi’.
U issa li Keith Schembri jinsab jiekol ikla ħabs, tal-Partit Laburista bilġri reġgħu koppi. ‘Il quddiem bi ħsiebni nikteb dwar il-konverżjoni Damaxxena ta’ Marie Louise Coleiro Preca. Dan qed insemmieh għaliex tal-Labour issa qed jippruvaw iżommu ‘l bogħod minn ma’ Keith Schembri (u eventwalment minn ma’ Konrad Mizzi u forsi anki minn ma’ Joseph Muscat).
Li jeħtieġ li tiftakar in-nies hi li, kieku riedu, tal-Partit Laburista kellhom opportunitajiet bil-għama biex ikunu onesti magħhom infushom u mal-elettorat Malti. Minflok, gidbu kemm felħu f’wiċċ in-nies.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat li fih jidher Owen Bonnici jgħidilna li dak li ma kien ġara’ xejn b’dak kien għamel Keith Schembri.