Issued just now.
Stqarrija Stampa ta’ Manuel Delia
Dal-għodu jien u attivisti sħabi weħħilna strixxun mal-injam li qed idawwar ‘il-Monument tal-Assedju l-Kbir li kien juri l-bandiera ta’ Malta, xbiegħa ta’ Daphne Caruana Galizia u l-kelma ‘Ġustizzja’. Qegħdna wkoll fjuri u xemgħat. Dan bi tkomplija tal-protesta għall-verita’ u l-ġustizzja.
Għall-ħabta tas-14:15 impjegati tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika nqabdu jneħħu l-istrixxun, il-fjuri u x-xemgħat. Jien għamilt rapport mal-Pulizija li din kienet propjeta’ li kienet qed tinsteraq fl-istess ħin li jiċċaħħad id-dritt imħares mill-Kostituzzjoni tal-espressjoni ħielsa tal-attivisti.
Fil-preżenza tal-Pulizija fl-għassa tal-Belt Valletta, jien, permezz tal-avukat tiegħi Karol Aquilina, ikkomunikajt mad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika. Dan id-Dipartiment ikkonferma li l-istrixxun u l-materjal l-ieħor kienu ttieħdu minnhom u kienu għadhom fil-pussess tagħhom. Huma infurmawni li neħħew l-istrixxun u l-fjuri u x-xemgħat b’ordni tas-superjuri tagħhom fil-Ministeru għall-Ġustizzja.
Jien infurmajthom li kont qed nesiġi li dawn jingħatawli lura, inkella kont se nieħu azzjoni ulterjuri.
Intant il-Pulizija tal-għassa tal-Belt Valletta qalulna li fuq rapport tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu żaru s-sit tal-protest għall-ħabta tas-14:00 u meta raw li ma kien hemm ebda illegalita’ fil-post, ħallew kollox kif kien u telqu.
Id-Dipartiment tal-Indafa Pubblika irritornali l-materjal tal-protesta fl-għassa tal-Belt Valletta u flimkien m’attivisti oħra mort lura quddiem il-Qorti biex issuktajna bil-protest tagħna.
Nirringrazzja lill-Pulizija tal-għassa tal-Belt għas-servizz li tawna u nappellalhom biex ikomplu jipproteġu l-protest leġittimu tagħna minn kull abbuż. Nirringrazzja wkoll lil għadd ta’ volontiera li ġew fuq il-post biex jgħinu lill-attivisti jgħassu s-sit tal-protest matul il-lejl li ġej.
Fl-istess ħin navża lill-gvern li jien u l-attivisti sħabi m’aħniex se naċċettaw li d-dritt tagħna li nipprotestaw b’mod paċifiku u leġittimu jitgħaffeġ b’dan il-mod abbusiv.