It-twissija ta’ Manfred Galdes li l-infurzar ineffettiv tal-liġijiet fis-settur finanzjarju qed jagħmlilna l-ħsara f’għajnejn il-kumplament tad-dinja ġiet ripetuta – bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin – mill-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta.
Andrew Beane l-ewwel kien qed jindirizza lil dawk li għandhom l-ishma fil-bank, u mbagħad aktar tard spjega f’aktar dettall lil Keith Micallef dak li kien qed jinkwetah. U kif jista’ jixhed kull min xi darba pprova jiddepożita mqar 10 ewro mal-bank meta l-paga tiegħu ta’ kull xahar ma tippermettix dan, l-HSBC joqgħod attent ħafna biex jivverifika minn fejn ikunu ġejjin il-flus…sal-punt li kultant jista’ jinħass redikolu.
L-HSBC qalagħha sew fil-passat talli ppermetta li s-servizzi tiegħu jintużaw minn ċrieki tal-ħasil tal-flus. Kien immultat b’qawwa sew mill-Istati Uniti kif ukoll mill-UE u nistgħu ngħidu li jinsab il-ħin kollu fi stat ta’ probation appuntu minħabba f’dan, bil-preokkupazzjoni kostanti li fil-mument li jnaqqas xi ftit l-attenzjoni jista’ b’mod aċċidentali jaċċetta negozju li jwasslu biex jispiċċa jpattiha qares.
L-HSBC hu magħruf għall-mod kif ma jaċċetta l-ebda negozju marbut mal-logħob f’Malta minkejja li kulħadd jaf li dan hu suq attraenti ferm. Iqis ir-riskju li jiċċappas b’xi mod ma’ flus li jispiċċaw jinħaslu billi jiġu mgħoddija mis-sistemi tiegħu bħala kompletament inaċċettabbli. U dak hu biss eżempju wieħed.
Andrew Beane jwissi li l-HSBC jista’ jipproteġi biss ir-reputazzjoni tiegħu, kif inhi llum. Jekk il-kumplament tal-industrija, jew anke parti żgħira minn dik l-industrija, lesta tagħmel il-kompromessi li jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, hu mhux se jkun f’pożizzjoni li jipprova jirranġa dik il-ħsara.
Naturalment ma ġab l-ebda eżempji speċifiċi. Imma jien m’iniex bank u allura nista’. L-HSBC jista’ jiffiltra kull dell suspettuż ta’ flus li jqanqlu d-dubji imma jekk il-ħmieġ li jirrifjuta hu jaċċettah anke l-iżgħar fost l-iżgħar minn sħabu fl-istess settur – bħal pereżempju l-Pilatus Bank – ir-reputazzjoni tal-pajjiż tiġi ġġudikata skont dak li jkun għamel dak l-iżgħar fost l-iżgħar.
U kulħadd ibati b’din it-tip ta’ ħsara li ssir lil Malta. Inkluż dawk li l-aktar joqogħdu attenti. Inkluż l-HSBC. Sakemm, kif wissewna li għandna nagħmlu Manfred Galdes u Andrew Beane, ma nbiddlux ir-rotta llum qabel għada. Biex nagħmlu hekk ma nistgħux immorru quddiem il-bqija tad-dinja bl-inkonsistenzi mimlija inkompetenza u konfużjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi bħalma rajna ħerġin dalgħodu minn fomm Ian Abdilla f’intervista mat-Times of Malta.
Argumenti bla sens bħal dawn huma proprju l-messaġġi li m’għandniex nibagħtu hemm barra, jekk irridu nuru li aħna destinazzjoni kredibbli għan-negozju u l-investiment. Ħadd – ħlief il-pirati nfushom – ma jkun irid jagħmel negozju f’bajja tal-pirati. Speċjalment bajja tal-pirati difiża minn nies li jiffurmaw l-ewkipaġġ ta’ Captain Hook bħal Bill Jukes, Turk, Starkey u Mullins; lebsin ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.