Miktub mill-mistieden George Farrugia Calleja:

Skont il-MaltaToday, u ladarba ma kien hemm l-ebda ċaħda, allura nifhem li dak li nkiteb huwa minnu, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera ġiet eletta minn sħabha biex isservi fuq il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Il-funzjoni prinċipali ta’ din l-istituzzjoni stmata, li mhix magħrufa għal xi entużjażmu partikolari biex tagħmel pubbliċi l-materji li tiddiskuti (kif indunajt mill-ewwel wara tfittxija fuq Google), hi li tirregola l-professjoni legali u l-ġudikatura. Hi mmexxija mill-President, bil-Prim Imħallef u numru ta’ persuni oħra magħżula li suppost jispiraw lil sħabhom fil-qasam legali jservu bħala membri tagħha.

U dak hu bejn wieħed u ieħor li nafu dwarha, għalkemm ninsab ċert li fil-liġi hemm aktar dettalji.

Kull tant żmien joħroġ ftit tagħrif ieħor interessanti, bħal dak li hemm fl-istorja tal-MaltaToday, li tfakkarna wkoll kif il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera kienet ġiet imċanfra bi kliem pjuttost iebes (relattivament, naturalment) u dan bażikament kien seħħ minħabba aġir personali li ma tantx tista’ tiddeskrivih bħala rispettabbli.

Scerri Herrera ma kinitx ġiet sospiża mir-rwol tagħha, wisq inqas imkeċċija – f’dak il-każ kienu jkunu meħtieġa żewġ terzi tal-maġġoranza Parlamentari, xi ħaġa li diffiċli setgħet isseħħ, b’ħuha Ministru fil-Kabinett u dak kollu li dan iġib miegħu. L-istorja tgħid li ma kinitx ġiet aċċettata biex tinħatar imħallef, materja li mhix kompitu tal-Parlament.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera għalhekk kienet, u għadha, membru tal-ġudikatura in ‘good’ standing – kif jgħid l-Ingliż – u għaldaqstant in-nomina tagħha (wieħed jistaqsi innominatx lilha nfisha) għal din il-kariga ma kisret l-ebda liġi, kif ma kisru l-ebda liġi l-proċess tal-votazzjoni nnifsu u r-riżultat li juri li kien hemm numru biżżejjed minn sħabha li għażlu li jivvutawlha u b’hekk urew mingħajr l-ebda dubju li mhuma bl-ebda mod imdejqin bl-atteġġjament tagħha u bit-twissijiet li qalgħet minħabba l-mod kif iġġib ruħha.

Il-Maġistratura, għalhekk, hija kuntenta li qed tiġi rappreżentata minn xi ħadd li nstab ħati ta’ nuqqasijiet mill-istess istituzzjoni li eleġġietha membru tagħha. Tant hu rari li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja twissi lil xi ħadd li bilfors li l-każ kien wieħed tassew serju, imma għall-maġistrati li jaspiraw li jsiru mħallfin, qisu ma ġara xejn.

Probabbli tippretendu li l-Maġistrat Scerri Herrera messu għaddielha minn moħħha illi li timbotta lilha nfisha għal dan ir-rwol mhix l-aħjar ħaġa li setgħet tagħmel. Imma mbagħad, probabbli tgħiduli li messu m’għaddielha qatt minn moħħha lanqas li ġġib ruħha bil-mod kif ġabet ruħha – li jidher ċar li mhux il-każ.

Kont timmaġina li anke l-kostitwenti tagħha jiġihom f’moħħhom li kieku m’approvawx in-nomina tagħha kienu jkunu qed jibagħtu messaġġ ċar lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar x’jaħsbu verament fuq it-twissijiet u l-kastigi tagħha.

Dawn in-nies, u anke l-kollegi tagħhom f’pożizzjonijiet ogħla minn tagħhom, suppost li huma l-aħħar tarka tagħna kontra l-kriminali u dawk li jwettqu l-abbuż, u kontra dawk li jiksru l-Kostituzzjoni. Huwa benfatt, almenu jekk qed nifhem sew l-artikli eċċellenti tal-Imħallef Giovanni Bonello fis-Sunday Times, li l-Kostituzzjoni ma tiġix interpretata biss b’riferenza għal x’inhu legali imma wkoll – anzi aktar minn hekk – b’riferenza għal dak li hu ġust.

Taħsbu li dan kollu huwa ġust?