F’rapport pubblikat illum l-Economist Intelligence Unit (EIU), hi u tanalizza l-impatt  tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kkonkudiet  li “fl-isfond tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, s’issa ma jidhirx li d-dawl internazzjonali li nxteħet fuq il-korruzzjoni u fuq il-kriminalita’ organizzata f’Malta kellu xi mpatt negattiv fuq l-ekonomija Maltija. Madankollu, jekk jispuntaw każijiet oħra ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalita’, il-ħsara għar-reputazzjoni ta’ Malta taf tkun kbira ħafna u jkun hemm ir-riskju li l-investituri jibdew iżommu ‘l bogħod minn xtutna”.

Din m’hi xejn ħlief twissija għal Malta meta wieħed iqis li, fl-isfond tal-allegazzjonijiet kollha ta’ korruzzjoni li ma ġewx investigati u tal-inkjesti li għad ma ġewx konkjużi, hija ħaġa kważi ċerta li għad trid titla’ fil-wiċċ aktar informazzjoni dwar il-korruzzjoni u l-kriminalita’ organizzata f’Malta.

Ir-rapport tal-EIU jkompli jgħid li “l-awtoritajiet Maltin, bil-mezzi tax-xandir internazzjonali ffokati kif inhuma fuq Muscat u fuq il-gvern   immexxi minnu, qed jippruvaw jikkontrollaw il-ħsara politika li ġiet ikkaġunata wara li seħħ l-assassinju.  Il-gvern, li jinsab taħt pressjoni kbira biex jindirizza l-kollass tas-saltna tad-dritt, jinsab ħerqan biex juri li qed jieħu azzjoni konkreta favur il-liberta’ tal-kelma. Abbozz ta’ liġi li jabolixxi l-libelli kriminali ilu pendenti fil-Parlament għal sena sħiħa, iżda din il-liġi m’hix ser tindirizza l-problema ta’ ġurnalisti mhedda b’kawżi li jiswew flejjes li ma jlaħħqux magħhom”.

Dawk il-qlafat li l-bieraħ wrew il-ħdura għamja tagħhom fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-konfront ta’ dawk li tlaqqmu bħala “nazzjonalisti”, bla dubju ser iwaħħlu f’Daphne għal dak li kollu li għad irridu niffaċċjaw. U ser iwaħħlu f’kull minn ser ikompli jfittex il-verita’ dwar il-kruha u l-firxa tal-korruzzjoni li teżisti f’Malta.

Huma l-korrotti li jaħtu għad-diżastri li għad irridu naraw ma’ wiċċna. Iżda dawn ċertament m’humiex jinkwitaw. Ħobżhom qed jinħema ġmielu band’oħra waqt li aħna irridu nibqgħu ngħumu fil-ħmieġ li ser iħallu warajhom.