Il-pulizija Iżraeljana għadha kemm irrakkomandat li l-prim ministru Benjamin Netanyahu jiġi mixli dwar allegat tixħim. Hekk kif l-avukat ġenerali beda’ jwieżen din ir-rakkomandazzjoni – proċess li jista’ jdum ix-xhur – Benjamin Netanyahu iddikjara li se jibqa’ jservi bħala prim ministru. Huwa jgħid li jinsab konvint li l-akkużi li jistgħu jinġiebu kontriħ se jisfumaw fix-xejn.

Dwar din l-istorja kien hemm min ġibidli l-attenzjoni dwar kif jitħallew jaħdmu l-istituzzjonijiet f’pajjiżi oħra b’kuntrast ma’ dak li qed jiġri hawn.     

Madankollu din il-ġrajja fakkritni f’prim ministru Iżraeljan ieħor. Wieħed li spiċċa l-ħabs minħabba l-passi effettivi li kienu ħadu l-istituzzjonijiet ta’ dak il-pajjiż.   

Dan il-prim ministru kien Ehud Olmert li kien ġie misjub ħati ta’ reati li kkommetta meta serva ta’ sindku ta’ Ġerusalemm u ministru tal-kummerċ tal-Iżrael.  

Qabel spiċċa l-ħabs u waqt li kien prim ministru Ehud Olmert kien issemma’ fl-aħbarijiet f’Malta. Kien fiż-żmien meta Lawrence Gonzi kien prim ministru u fiż-żmien li matulu Malta kienet se tagħżel il-power station il-ġdida, kuntratt li eventwalment intrebaħ mid-ditta Daniża BWSC.   

Ġara li ħabib ta’ Ehud Olmert kien qed jikkompeti biex jirbaħ il-kuntratt tal-power station. U Ehud Olmert ittanta jintervjeni. Biex jimbotta l-interessi tal-ħabib tiegħu, ipprova jagħmel kuntatt mal-prim ministru ta’ Malta. Iżda l-prim ministru ta’ Malta wera’ li ma xtaqx ikellmu għaliex f’Malta dak iż-żmien, fejn jidħlu kuntratti bħal dawn, il-politiċi ma kinux jindaħlu fejn ma jesagħħomx.         

Iżda wieħed ma jistax ilum lil Ehud Olmert. Dan kien jaf b’politiku ieħor minn Malta, li dak iż-żmien kien fl-oppożizzjoni, li kien jaħsibha mod ieħor dwar affarijiet bħal dawn. B’kuntrast ma’ Lawrence Gonzi, Joseph Muscat ma kienx se jiskrupla li jaqbeż għal interessi privati.

U l-Partit Laburista organizza laqgħat biex fihom jiġu diskussi l-interessi tal-ħbieb ta’ Ehud Olmert. Joseph Muscat kien tkellem dwar il-kwistjoni ma’ dak li kien l-ambaxxatur Iżraeljan għal Malta. Tkellmu dwar kif il-ħbieb komuni ta’ Joseph Muscat u ta’ Ehud Olmert ikunu jistgħu jiġu ppremjati bil-kuntratt tal-power station.

U, biex jaqdu dawn l-interessi, tal-Labour dlonk niedew kampanja malizzjuża u giddieba li mbagħad spiċċat sfumat fix-xejn anke wara li telgħu fil-gvern u allura kellhom il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jinvestigaw u jieħdu passi kontra min suppost kiser il-liġi. L-iskop tagħhom qatt ma kien li jiġġieldu kontra l-korruzzjoni. Xogħolhom kien li jiddefendu lill-korrotti. Ħaġa li anke mill-oppożizzjoni rrendiethom korrotti.       

Dan l-aġir tana xamma ta’ dak li kien qed jinħema. Joseph Muscat ma kellu ebda skrupli li jaħdem ma’ interessi privati korrotti għall-benefiċċju tiegħu u waqt li kien għadu fl-oppożizzjoni kien iqis l-għoti tal-kuntratti pubbliċi bħala bħala biċċa negozju bil-għan li jġib il-quddiem l-interessi personali tiegħu.  

Sieħbu l-eks prim ministru Iżraeljan Ehud Olmert spiċċa l-ħabs.

Dak hu li jseħħ f’pajjiżi fejn min jonqos iħallas.