Glen Bedingfield jilbes bosta kpiepel imma rwol wieħed biss għandu li jgħodd verament. Huwa blogger. Huwa MP (back-bencher) mal-Labour. Imma dawk huma rwoli awżiljarji. Il-funzjoni essenzjali tiegħu jaqdiha fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara skrivanija mhux aktar minn 10 metri ‘l bogħod minn Joseph Muscat.
Bħala sors, ma jistax ikollok sors uffiċjali aktar minn hekk. Bħala riflessjoni tal-fehmiet u l-ħsibijiet ta’ Joseph Muscat, hu tabilħaqq viċin tal-Prim Ministru, tant li jgħaddih biss Joseph Muscat innifsu.
Issa għandna lil Glen Bedingfield, il-portavuċi tal-Prim Ministru, jesponi ritratt ta’ professjonisti mediċi f’Mater Dei u jakkużahom li qegħdin jitbissmu u jiġu jaqgħu u jqumu mit-tbatija tal-pazjenti għal raġuni li tirrifletti biss l-interessi tagħhom. Jesponihom biex il-folla tkun tista’ tħaġġarhom, almenu metaforikament. Ifli l-kummenti li jidhru taħt il-powst tiegħu fil-Facebook u tara kif irnexxielu jasal fejn ried jasal.
Fil-verità r-ritratt li qed juri huwa dak tat-tobba tal-Emerġenza li għalkemm jissimpatizzaw mal-azzjoni tal-union, qed jirrispettaw id-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi minimi li jissemmew fil-liġi dwar l-istrikes. Dawn id-dispożizzjonijiet jitolbu mit-tobba li f’każ ta’ strike jibqgħu jagħtu dak li jissejjaħ Sunday-service. Dan ifisser li dawk li jidhru fir-ritratt għaddejjin jaħdmu ilsienhom barra jagħtu servizz ta’ emerġenza lill-pazjenti, bħal kull ġurnata oħra — għax kif tista’ taħseb, is-servizzi tal-emerġenza fil-Ħdud ikunu l-istess bħal kwalunkwe ħin ieħor tal-ġurnata, bi nhar u bil-lejl.
Glen Bedingfield jafu dan. Mhuwiex xi ċuċ li ma jafx il-fatti x’inhuma. Huwa giddieb, kwalità li bilfors irid ikollok ladarba taħdem għal Joseph Muscat. Imma huwa dak it-tip ta’ giddieb li Dante jżomm post speċifiku fl-infern għalih: is-seminatore di discordie, dak li jiżra’ l-kunflitti.
Din il-gidba mhix maħsuba sempliċiment biex tirrita lit-tobba, li bħala grazzi għall-vokazzjoni u x-xogħol tagħhom ngħataw din il-malafama. Din il-gidba hi intenzjonata biex issaħħan l-irjus, biex lill-folla tagħtihom lil min jobogħdu, biex taġevola lil min hu vjolenti joħroġ il-qilla tiegħu fuq dawk il-professjonisti li donnhom wettqu reat li ma jinħafirx: dak li ma jaqblux mal-Gvern.
Glen Bedingfield huwa strument tal-Istat. Lit-tobba li esprimew opinjoni, l-Istat sallabhom. Kulm’għamlu kien li ppużaw għal ritratt biex jesprimu solidarjetà mal-kollegi li qed jistrajkjaw. U minħabba f’hekk ġew intimidati mill-Istat, li esponiehom għall-periklu. Li taħdem fl-Emerġenza diġà hu xogħol riskjuż ħafna, imm’issa l-Istat għollielhom ir-riskju aktar milli kien.