Miktub mill-mistiedna Vicki Ann Cremona:

Jekk tmur tieħu kafé ġol-Belt Kapitali tal-Kultura, ewro mhuwiex biżżejjed biex tħallsu – trid tkompli żżid xi ħaġa tal-flus miegħu biex jaqduk. Iżda sa ewro, naħseb li kull wieħed u waħda minnha naslu biex noħorġu mill-but. U kieku l-gvern ġie joffrilna nixtru dak kollu li fih sptar b’ewro, forsi konna nitħajru nidħlu għaliha u naraw kif ndawru xi sold minnhom!

Mhux talli hekk, talli kieku il-gvern offrilna xi sptar bil-kundizzjonijiet li offra lill-kumpanija barranija, fejn min krieh m’għandux x’jinkwieta għal ebda dejn, kien ikollna wkoll minn fejn nagħżlu: jekk ma kienx jogħġobna l-isptar t’Għawdex, stajna forsi naraw jekk nippreferux lill-isptar Karen Grech, jew dak ta’ San Luqa!

Il-problema hija li l-Gvern tal-Maltin, lill-ebda Malti jew Maltija bħalek u bħali ma ġie joffrih. Però ġie jaqa’ u jqum mill-fatt li proprjament, dawk l-isptarijiet diġa kienu tagħna: saru u żammejnihom minn flusna – mit-taxxi tagħna. U b’hekk, ma kellu l-ebda dritt ibigħhom. Il-fatt li dak li kien fihom tah għall-ewro simboliku huwa daqqa ta’ ħarta lil kull min iħallas onestament u fil-ħin it-taxxi tiegħu jew tagħha.

Xi jfisser meta ngħidu li l-gvern biegħ l-isptarijiet tagħna? Jidher li jekk int Għawdxi, u għandek bżonn tmur l-isptar, u jekk n-numru (baxx) ta’ sodod li din l-entità l-ġdida li suppost se tmexxi l-isptar ħalliet għall-użu b’xejn tal-poplu għawdxi diġa ntela’– suppost, għax dan il-privileġġ diġa jidher li għadda għand oħrajn – mhuwiex ċar x’għażla jibqagħlek.

Nissaponi jew ikollok tħallas xi ħaġa minn butek, jew il-poplu mit-taxxi ikollu jħallas għalik – ħafn’aktar minn dak li qiegħedi diġa iħallas għas-servizz – jew ikollok tiġi Malta, fejn il-postijiet tant mhumiex biżżejjed li kien hemm mument fejn kien qiegħed jissemma l-ħsieb li nerġgħu nsaħħu lill-isptar San Luqa ħalli n-nies tkun tista’ tinqeda aħjar. Issa, jekk dan se jsir jew le, m’għadux jiddependi minna, mill-poplu malti u għawdxi, għax il-Gvern Tagħna Lkoll mar u biegħu lill-barranin, u dak li fih għal ewro! Mhux hekk biss, imma serħilhom moħħhom li jekk l-gvern jerġa’ jieħu lura l-isptarijiet, jerfa’ d-dejn tagħhom hu – jew aħjar, nerfgħuhom aħna lkoll, mit-taxxi tagħna!

Dan iġieghel lill-wieħed jaħseb li jew Joseph Muscat, Prim Ministru Tagħna Lkoll, ma fehemx li b’ewro lanqas kafé ma tieħu u li l-persuna jew persuni li għamlu din il-bravata tmejlu bih u bil-poplu malti, jew daħal magħhom u qiegħed jitmejjel bina hu ukoll! Certament, mhux se nkun jien li ser inkun naf kif qegħdin tassew l-affarjiet. Dik li s-soltu dat-tip ta’ borom kienet taf tikxifhom, qatluha.

It-tobba illum se joħorġu bi ‘Strike’ biex jiġġieldu għal dak li huwa verament tagħna lkoll – l-isptarijiet tagħna. Wieħed jista’ jgħid li jekk kienu qegħdin jissuspettaw xi ħaġa, misshom ilhom li tkellmu, imma nsomma, kif jgħidu l-Ingliżi ‘Better late than never’.

Huwa dmirna li aħna mhux talli nagħtuhom raġun, imma nuruhom is-solidarjeta’ tagħna.  Ma ninsewx li fis-snin sebgħin, ħafna mit-tobba ewlenin tagħna, u dawk iż-żgħażagħ li kienu qegħdin jistudjaw il-mediċina, kellhom jitilqu minn Malta minħabba l-gvern u l-indħil tiegħu; fl-isptarijiet, it-tobba Maltin kont kważi tgħoddhom fuq ponot subajk.

X’se jsir mit-tobba tagħna? X’se jsir issa mill-isptarijiet tagħna jekk tassew m’għadhomx tagħna? X’se jsir mill-isptar t’Għawdex, li jaqdi gżira sħiħa, u mill-isptar Karen Grech? L-isptar San Luqa, tawhulhom għal kważi mitt sena, ħafna minna nkunu ilna li tlaqna!

Domanda importanti oħra, l-bqija ta’ l-ewro, f’liema but daħlet? Għax dak li fih sptar, b’ewro tbiegħu fuq il-karta biss (jidhirli, biex ma tħallasx taxxi) imma dak li jinteressa lill-ħafna minna huwa: is-somma vera li jsarrfu dawn l-isptarijiet, għand min marret? Jaqaw din ukoll siefret il-Panama, jew il-Virgin Islands?

U aħna l-Maltin se nerġgħu nibqgħu b’xiber mnieħer, anzi nħallsu mit-taxxi tagħna l-ispejjes żejda li dan il-bejħ se jġib miegħu? U dawn li qegħdin jisirqulna flusna, se jkomplu joħorġu l-flus mill-pajjiz, biex t-taxxi li nħallsu aħna jibqgħu ma jħallsuhomx?

Mela kull wieħed u waħda minna għandna nżommu mat-tobba a u nuruhom s-solidarjeta’ tagħna talli qegħdin jiġġieldu biex jiżguraw li dak li hu tagħna ma jibqax jitberbaq jew jinsteraq!