F’dokumentarju dwar il-Familja Rjali tal-Għarabja Sawdita, il-BBC jintervista hacker professjonali, li mbagħad sar whistleblower, li għal diversi snin ħadem f’Malta ma’ kumpannija Taljana li mingħandha gvernijiet jixtru tagħmir elettroniku li min jużahom ikun kapaċi jispjuna fuq ħaddieħor
Alberto Pelliccione jitkellem dwar apparat tal-ispjunar mistoħbi fil-mobile jew fid-desktop Apps li jagħtu aċċess għall-apparat tiegħek lis-servizzi ta’ sigurta’. Dawn l-ispiji kapaċi jissemgħulek permezz tal-mikrofonu tal-mobile, kapaċi li jagħmlu l-għassa fuqek permezz tal-webcam u kapaċi wkoll jitkixxfu dwar il-post fejn tkun tinsab. Kapaċi wkoll jisirqu informazzjoni maħżuna fl-apparat tiegħek kif u meta jridu.
Pelliccione tkellem dwar il-mod kif kienu pprovdew dan is-software lir-reġim brutali tal-Għarabja Sawdita.
Hawn għandkom issibu bran qasir mid-dokumentarju tal-BBC li nġibed f’Malta.
Alberto Pelliccione qalli li, f’Mejju 2013 ftit ġimgħat wara li kien ħa r-riedni tal-pajjiż, l-gvern Malti kien tkixxef ma’ Hacking Team, kumpannija li hu kien jaħdem magħha, dwar il-possibilita’ li jakkwista dan l-apparat tal-ispjunar. Il-Wikileaks għandha fil-pussess tagħha kopji ta’ korrispondenza meħuda mis-servers ta’ Hacking Team li turi li dawn kienu ħadu sehem f’taħditiet mal-fornitur lokali Alberta qabel ma saru l-laqgħat mal-Ministeru tas-sigurta’ Nazzjonali f’Mejju 2013.
Il-kwistjoni imbagħad reġgħet ġiet diskussa f’Lulju 2014.
Il-gvern jidher li spiċċa m’akkwistax din it-teknoloġija mingħand Hacking Team u Alberto Pelliccione infurmani li jeżistu fornituri oħra ta’ teknoloġiji simili u li allura dan ma jfissirx li s-servizzi tas-sigurta’ Maltin m’humiex jagħmlu użu minn apparat tal-ispjunar fuq il-mobiles u l-kompjuters tan-nies.
Alberto Pelliccione jaf li lil Malta sew peress li għex hawn għal numru ta’ snin. Bħalissa qed igħix band’oħra. Qalli “kif taf, jien għext Malta għal xi snin u ntbaħt li l-gvern mhu trasparenti xejn. Dan ifisser li jkun diffiċli li takkwista l-informazzjoni għaliex naħseb li f’Malta m’għandkomx liġi bħalma hi l-Freedom of Information Act”. Jien weġibt billi għidtlu li teżisti liġi bħal din f’Malta iżda l-gvern il-gost tiegħu jinjoraha. “Imisskom tippruvaw titkellmu mal-Pulizija u mas-Servizzi ta’ Sigurta’, iżda għandi għalxiex nifhem li ħadd m’hu se jitniffes”.
Jien ukoll naħseb li m’hu se jitniffes ħadd iżda dan mhux se jżommni milli nagħmel xi mistoqsijiet:
- Il-gvern Malti għandu apparat f’idejħ li kapaċi jispjuna fuq ħaddieħor permexx tal-mobiles u l-kompjuters?
- Jekk it-tweġiba hi iva, jeżisti proċess ta’ kontroll fuq l-applikazzjonijiet li jsiru għall-akkwist ta’ din it-teknoloġija?
- Jekk it-tweġiba hi iva, jeżisti proċess ġudizzjarju u għassa regolari fuq l-applikazzjonijiet li jsiru għall-akkwist ta’ din it-teknoloġija?
- Jekk it-tweġiba hi iva, dan l-apparat ġie użat fuq ġurnalisti? U jekk it-tweġiba hi iva, fuq min?