Ma tridx tara lil Edward Zammit Lewis ibati l-ġuħ wara li tilef xogħlu bħala Ministru. Ma rnexxilux jidħol fil-Kabinett wara l-elezzjoni tal-2017 u dan intitolah għal kumpens ekwivalenti għal nofs sena paga ta’ Ministru intiż li jassiguralu transizzjoni faċli. Meta mbagħad irnexxielu jidħol fil-Parlament ħa wkoll l-onorarja ta’ membru parlamentari.

Meta ġie elett fil-Parlament fl-elezzjoni każwali wara li l-Kabinett kien diġà ġie ffurmat, Daphne Caruana Galizia kienet staqsiet “issa x’se jiġri minn Edward Zammit Lewis?”

“Il-Prim Ministru se jdeffsu fil-kabinett diġà kbir wisq li għandu, li hu saħanistra ikbar minn dak tal-2013-2017? Jew se jivvintalu xi kariga oħra biex iżommu kuntent?”

Irriżulta li marru għal punt numru 2. Illum nafu li Edward Zammit Lewis iddobba 26,000 ewro oħra biex ikollu transizzjoni bla problemi, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ konsulenza ta’ sitt xhur ma’ sieħbu Joe Mizzi. L-informazzjoni ħarġet mil-lista ta’ direct orders ta’ dak il-Ministeru li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern. Imma possibbli l-uniku avukat li Joe Mizzi ħass li seta’ jafda fih kellu jkun eks-Ministru?

Tiftakruha l-ħames mitt ewro żieda?