Il-lejla fis-18.30, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ser jiddiskuti mozzjoni mressqa minn wieħed mill-Kunsilliera biex jitneħħew il-fjuri, xemgħat u messaġġi li tħallew min-nies madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia bi protesta kontra l-impunita’ kontinwa ta’ dawk li ordnaw l-assassinju tagħha jew kienu l-id moħbija wara dan il-qtil.
Mill-blog tiegħu mħallas mill-gvern, Glenn Bedingfield saħħan il-qiegħa għad-diskussjoni tal-lejla. U biex issir aktar pressjoni fuq il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed jippruvaw jimmobilizzaw l-appoġġ għal din il-manuvra stil faxxista kontrollata mill-istat.
Jason Micallef, Emmanuel Cuschieri u oħrajn diġa’ qed ixammru kmiemhom b’antiċipazzjoni tal-laqgħa tal-lejla. Qegħdin igħidu li “l-liġijiet għandhom jiġu obduti” mingħajr ma jgħidu għal liema liġijiet qed jirreferu. Jekk igħidulna għal-liema liġijiet qed jirreferu, min se jkun l-ewwel li joħroġ għan-nofs biex jarresta lill-President hi u tqiegħed il-fjuri mal-istess monument fit-8 ta’ Settembru li ġej?
L-ironija tinsab fil-fatt li jekk il-Kunsill jasal biex jaqbel l-mozzjoni, dan ikun qed imur lil hinn mill-poteri li għandu. Huwa l-gvern ċentrali biss li għandu s-setgħa mogħtija mil-liġi li jagixxi fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Monument tal-Assedju l-Kbir – l-istess gvern ċentrali li, xahar ilu, ma damx wisq biex ordna t-tneħħija tal-flokkijiet bil-kliem “crooks-everywhere” li tal-#occupyjustice kienu qiegħdu fuq diversi monumenti madwar il-pajjiż.
U għaliex jifhmu sew dan is-sit speċifiku faċċata eżatt tal-Qrati jqajjem ċerta sensittivita’ u għaliex jafu wkoll li għandhom bżonn skuża biex jippruvaw jinħbew warajha, qegħdin jagħmlu minn kollox biex jagħmlu pressjoni fuq il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Il-lejla jien se nkun preżenti fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta – il-lok fejn qabel kien hemm il-Cafe’ Premier – u nittama li jkolli l-opportunita’ li ninsisti dwar id-dritt ta’ kull ċittadin li jipprotesta dment li ma jkun qed iweġġa’ ħadd.
Glenn Bedingfield il-bieraħ wissa’ lil kulħadd li l-fjuri u x-xemgħat jipprovokaw u jiġġustifikaw il-vandaliżmu. Dawk iċ-ċittadini li għandhom għal qalbhom il-libertajiet basiċi ma jistgħux joqgħodu għal stqarrijiet infami bħala dawn.