F’dan ir-rapport tat-Times of Malta dwar il-billboards illegali issib l-informazzjoni kollha li tinħtieġ jekk għadek qed tħossok impressjonat bl-insistenza tal-gvern li meta neħħa l-billboards tal-#occupyjustice li kienu qed jikkritikawh, għamel dan biex jinforza l-liġi.

L-infurzar diskriminatorju tal-liġi hu illegali. Il-liġi mhix magħmula biss mill-kapitlu jew il-vers li jaqrawlek il-bullies armati bir-revolver li jiġu bit-trakkijiet mikrija biex jieħdu azzjoni kontrik. Li kieku kien hekk, niġġustifikaw l-apartheid bl-argument li l-bojod kienu skruplużi meta ġew biex jilleġiżlaw fir-rigward tad-diskriminazzjoni u s-separazzjoni.

Meta l-attivista tad-drittijiet ċivili Rosa Parks irrifjutat li ċċedi s-siġġu fuq tal-linja lil persuna ta’ ġilda bajda kienet qed tikser il-liġi. L-istess meta Emily Davison intefgħet tiġri quddiem iż-żwiemel u meta Vaclav Havel irrisponda għall-artiklu ta’ Ludvik Vaculik. U meta Gandhi ħaraq id-dokumenti tal-identità li kienu juru li hu mill-Afrika t’Isfel, kien qed jeqred proprjetà pubblika.

Dawn kollha kienu atti illegali. Imma dawn il-persuni kienu qed jobdu liġi li hija ferm aktar importanti u fundamentali, liġi suprema li tippermettilna ngħixu fil-paċi. Dik il-liġi li tesiġi li l-ebda liġi oħra ma tista’ tikser id-drittijiet bażiċi tagħna li ħadd ma jista’ joħdilna għax huma drittijiet naturali li ngawdu minnhom sew jekk aħna parti minn maġġoranza jew minoranza, kif ukoll jekk is-suġġett ikunx jikkonċerna individwu jew le.

Huwa dritt tagħna li nibagħtu lill-gvern jixxejjer. U jekk min għandu l-poter f’idejh juża l-liġijiet biex iwaqqafna proprju milli nagħmlu dan, ikun hu li jkun qed jisker il-liġi.

Hu x’inhu, tal-#occupyjustice spjegaw li huma ma kisru l-ebda liġi. Ibbukkjaw il-billboards ma’ kumpanija li tipprovdihom u li ħallsuha l-ammont kollu li ntalbu, bit-taxxa dovuta b’kollox. Iffirmaw ukoll kuntratt li kien jorbothom li josservaw il-liġi.

Imma l-gvern ħassu offiż bil-messaġġ tal-billboards u ħa passi mill-ewwel biex joħonqilhom il-vuċi tagħhom u jagħlqilhom ħalqhom. Huma raw x’kienet l-iskuża li ngħatat biex tiġġustifika din l-azzjoni u użawha biex iwieġbu. L-iskop tagħhom ma kienx l-infurzar tal-liġi. Li kieku dan kien l-iskop, il-mijiet ta’ billboards li għad hemm hemm barra u li għandhom xi ħaġa irregolari kienu jitneħħew mill-ewwel u bl-istess mod kif ġara f’dan il-każ.

Meta l-gvern jibgħat spettur tat-taxxa biex jiċċekkja li l-ħwienet kollha fi triq popolari għall-kummerċ qed jiċċarġjaw il-VAT, ikun qed jinforza l-liġi. Meta jibagħtu f’ħanut wieħed biss, b’mod ripetut, għax is-sid tal-ħanut ikun appoġġja xi partit jew xi kawża li l-gvern ma jaqbilx magħhom, waqt li jinjora l-illegalitajiet imwettqa minn ħwienet oħra, il-gvern ma jkunx qed jinforza l-liġi. Ikun qed jiksirha.

Il-libertà hija ċ-ċertezza li d-drittijiet ta’ persuna jiġu rispettati minn dawk li l-istess persuna ma taqbilx magħhom. Dik iċ-ċertezza llum tlifnieha.