Eżatt bħall-lum ħames snin l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi kellu ħafna għalxiex jitbissem. Filwaqt li UE kienet iddeċidiet li tnaqqas in-nefqa tagħha għas-seba’ snin li kienu jmissu, Gonzi rsista kemm felaħ u kien irnexxielu jġibha żewġ b’żieda fl-allokazzjoni ta’ flus għal Malta. B’kollox kien irnexxielu jġib 1.128 biljun Ewro għal Malta fuq medda ta’ seba’ snin.
Dawn il-flejjes nefquhom il-gvernijiet Laburisti li ġew wara. B’daqshekk ma ġara’ xejn. Dik hija d-demokrazija. Biżżejjed niftakru li meta Churchill kien rebaħ il-gwerra, kontra kull mistenni tilef l-elezzjoni li saret ftit wara. Li kieku kienu n-Nażisti li rebħu l-gwerra, illum m’aħniex ingawdu l-welfare state. Dik hi l-ħajja.
Hi ħaġa minn ewl id-dinja li tħoss ċerta dieqa meta ħaġa li tkun ħdimt qatiegħ biex akkwistajtha, jispiċċa jiddandan biha ħaddieħor. Hi minn ewl id-dinja iżda hi wkoll kwistjoni ta’ natura sekondarja. Kif inhi wkoll ta’ natura sekondarja r-rebħa politika pirrika ta’ dawk li appoġġjaw is-sħubija ta’ Malta fl-UE fi żmien meta tal-Labour kienu kkonvinċew lil kulħadd li Malta kien se jmissha biss mhux aktar minn miljun lira f’investiment għall-infrastruttura tagħha. Tal-Labour spiċċaw marru żmerċ bl-ewivalenti ta’ 420 darba.
Il-qofol tal-kwistjoni jibqa’ li, filwaqt li Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi kien irnexxielhom iġibu l-boċċa qrib il-likk, Joseph Muscat fadallu sentejn oħra jonfoq il-flus li ġabu huma u jiddandan b’rix ħaddieħor.