Ronchi de Legionari huwa belt id-daqs taż-Żurrieq fil-fruntiera Taljana mas-Slovenja.
Il-press club ta’ din il-belt ħoloq premju għall-ġurnaliżmu li jfakkar lil Daphne Caruana Galizia. Ħabbar ukoll li ngħata l-patroċinju ta’ dan il-premju mill-Parlament Ewropew.
Fi stqarrija, l-assoċjazzjoni tal-ġurnalisti ta’ Ronchi qalet, “dan huwa rikonoxximent importanti għall-assoċjazzjoni żgħira ta’ Ronchese li, għal dawn l-aħħar xhur, kienet qed tippromwovi attivament il-konferenza dwar il-ġurnaliżmu skedata għal Ġunju li ġej u l-premju li jfakkar lil Daphne Caruana Galizia li nqatlet b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017. L-ittra tal-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, tikkonferma r-rikonoxximent uffiċjali tal-Parlament.
Il-President tal-assoċjazzjoni, Luca Perrino, qal li, “Inħossuna verament kuntenti għaliex huwa appoġġ ulterjuri għall-isforzi tagħna ta’ kuljum kemm biex noħolqu festival importanti għat-territorju tagħna kif ukoll biex nonoraw il-memorja ta’ mara u ġurnalista b’saħħitha li trid tibqa’ ta’ eżempju”.
Fl-ittra tiegħu lill-assoċjazzjoni, il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, qal: “L-ewwel nett, nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-fatt li l-assoċjazzjoni ddeċidiet li tiddedika premju li jfakkar lil Daphne Caruana Galizia biex ifakkarna fil-valuri fundamentali li l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuqhom: il-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.
Il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-media huma mnaqqxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew ikkundanna bil-qawwa l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, talab lill-Gvern Malti jimmobilizza r-riżorsi kollha meħtieġa biex il-qattiela jittellgħu l-qorti, u appella għal inkjesta internazzjonali indipendenti dwar il-każ.
L-għoti tal-premju lil ġurnalisti li spikkaw għall-inkjesti tagħhom u għar-riċerka tagħhom, anke b’riskju għal ħajjithom u għall-ħajja tal-familji tagħhom, huwa inizjattiva ta’ min tassew ifaħħarha u huwa għalhekk bi pjaċir kbir li nagħtu l-Patroċinju Għoli tal-Parlament Ewropew lill-inizjattiva tagħkom.”