Il-Gvern tar-Renju Unit qed jipprova jwaqqaf lill-oligarki Russi li qed jużaw il-pajjiż biex jaħslu l-flus li jaqilgħu b’mod illegali. Rapport f’The Times tar-Renju Unit iddiskuta dan mal-Ministru tas-Sigurtà, Ben Wallace, f’intervista li saret  wara l-effett li ħalliet id-drama tal-BBC, McMafia, dwar Russi li jilbsu b’mod impekkabbli waqt li jaħslu l-miljuni fir-Renju Unit. L-istorja ssegwi l-flus sas-sors tagħhom, jiġifieri l-iskjavitù forzata u l-prostituzzjoni.

The Times tar-Renju Unit tirrapporta li “uffiċjali qed iħejju biex isegwu ordnijiet ġodda, li daħlu fis-seħħ din il-ġimgħa, li jippermettulhom jikkonfiskaw assi suspettużi sa ma dawk li jkunu qed jiġu investigati jkunu jistgħu jagħtu rendikont xieraq ta’ dak li akkwistaw. Ġew identifikati bosta persuni u qed jitħejjew żewġ każijiet bi prova”.

Ben Wallace, il-Ministru tas-Sigurtà, qal lil The Times li ried li l-kriminali u l-politiċi korrotti li qed jużaw ir-Renju Unit għal ħtiġijiethom u bħala rifuġju, iġarrbu l-“qilla sħiħa tal-gvern”. Wissa wkoll li, “meta nsibukom se niġu għalikom, għall-assi tagħkom, u se nagħmlu l-ambjent li tgħixu fih diffiċli”.