Dan il-gvern iġiegħlek tistħi. David Casa ppubblika t-tweġiba li l-Gvern bagħat lill-Parlament Ewropew wara r-rapport dwar l-istat tad-dritt fejn Malta ġiet ikkritikata bl-aħrax. Is-sens ġenerali tat-tweġiba kien ‘intom stupidi, aħna qegħdin fit-tajjeb, m’għandna xejn x’nitgħallmu dwar l-istat tad-dritt, itilqu ‘l hemm’. Jekk tridu d-dettalji, fl-aħħar ta’ dan il-powst hemm link għar-rapport.
Imma se niġbdilkom l-attenzjoni għal kif ir-rapport ried ‘jipprova’ li l-Avukat Ġenerali ma kellux problema biex jaġixxi mingħajr biża’ bħala prosekutur tal-individwi li japperjenu lil partit immexxi mill-kapijiet li bħala ministri tal-gvern, huma klijenti tiegħu.
Imorru lura sa Ġunju tal-2013 meta l-gvern Laburista kien għadu jibda u l-Avukat Ġenerali kien jaħdem kif kien dara. Se nikkwota mir-rapport: “F’Ġunju 2013, l-Avukat Ġenerali appella kontra sentenza ta’ ‘mhux ħati’ tal-Qorti tal-Maġistrati datata l-31 ta’ Mejju 2013 (Il-Pulizija vs X nru tal-kawża 850/11) rigward l-allegazzjonijiet kontra kandidat Laburista b’saħħtu għall-Parlament Ewropew tal-2014. L-appell intlaqa’ u l-akkużat instab ħati permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali li ingħatat fit-8 ta’ Mejju 2004. Sussegwentement, l-individwu irtira l-kandidatura tiegħu.
F’ġieħ kemm hemm! Ara dawn kif jagħmlu. Kulħadd jiftakar min kien “X” hux hekk? Cyrus Engerer! L-awtur ta’ dan ir-rapport ma kellux għalfejn isemmih. Wara kollox, l-Ewroparlamentari jafuh. Ikun dejjem fix-xena jillobbja għal Malta.
Għaliex, dak li r-rapport ma semmiex, kien li wara li Mr X instab ħati ta’ pornografija b’vendetta u omofobija permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali, il-gvern Laburista, li tant taħarqu qalbu għall-governanza tajba, l-istat tad-dritt, il-governanza nadifa u l-bqija, ħatar lil Mr X bħala l-Viċi Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li kienu qed jittantaw b’mod fqir jippruvaw li l-Avukat Ġenerali jħossu ħieles li jaġixxi (issa kien ilu xahrejn fil-gvern tiegħek, imma żgur poġġejtu f’postu minn dak iż-żmien, hux veru?) kienu qed jippruvaw ukoll li dan hu gvern ta’ imbruljuni, fejn il-kriminali – anke, eċċezzjonalment dawk li nstabu ħatja b’deċiżjonijiet tal-qorti – jikkontrollaw u jmexxu l-għola karigi tal-pajjiż.
Cyrus Engerer mhux xi kriminal riformat lanqas. Meta rtira l-kandidatura elettorali tiegħu, Joseph Muscat ippremjah bil-kbir, bit-titlu ta’ suldat tal-azzar u billi ħatru f’waħda mill-għola karigi diplomatiċi fil-burokrazija kollha kemm hi.
Buffu, produttur tal-pornografija, kriminal u uffiċjal għoli tal-gvern f’pakkett wieħed.
Bir-raġun wieħed jistenna li jekk ma kienx hu li kitbu, Cyrus Engerer ikkontribwixxa f’dan ir-rapport u preżumibilment ippreżenta lilu nnifsu bħala evidenza ta’ amministrazzjoni pubblika korretta, meta l-fatti juru bil-maqlub.
Tkun tixtieq l-art tibilgħek.