Fost it-toroq li probabbli tieħu l-inkjesta li qed issir dwar l-assassinju tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u t-tfajla tiegħu aktarx li jkun hemm investigazzjoni dwar dak kollu li kien involut fih in-negozjant magħruf Slovakk Marian Kočner.
Skont rapport f’The Spectator tal-lum, f’Settembru li għadda Ján Kuciak ħa azzjoni kriminali kontra Marian Kočner, talli heddu. Kočner kien is-sid ta’ appartament li kien jifforma parti minn proprjetà lussuża li Kuciak investiga fuq korruzzjoni. Aktar tard, hu biegħ l-appartament.
“Diġà għaddew 44 ġurnata minn meta ħadt passi kriminali kontra MK talli heddidni,” kiteb Kuciak fuq Facebook fil-ħarifa. “Minkejja f’dan, il-każ tiegħi probabbli li s’issa għadu lanqas ġie assenjat biex jinstema’.”
Aktar riċenti, Kuciak kiteb li l-kumpanija Real Štúdio K.F.A, li bniet il-kumpless Five Star Residence li fih kellu sehem Kočner, dalwaqt tisparixxi, bid-djun tagħha probabbli jisparixxu magħha.
Marian Kočner għandu rabta ma’ Malta.
Rapport ta’ Karl Stagno Navarra fil-MaltaToday li jmur lura għall-2012 jgħid li Marian Kočner irċieva pagament finanzjarju ta’ 4 miljun ewro li ġie mħallas minn kont f’bank Malti li mhux identifikat. Skont l-awtoritajiet tas-sigurtà Slovakki dan il-ħlas għandu rabta ma’ allegat tixħim li sar lil politiċi fis-Slovakkja. Il-pagament sar fis-7 ta’ Diċembru 2011.
Filmati li ħarġu ta’ Kočner – li ħafna jemmnu li huwa involut fil-kriminalità organizzata – jiddiskuti l-istruttura tal-partit Slovakk SaS mal-mexxej tal-partit Richard Sulik, komplew iqanqlu l-għadab tal-pubbliku għall-mod kif il-politiċi Slovakki qed ibigħu lilhom infushom lin-negozjanti l-kbar, waqt li l-poplu jkollu jħallas il-prezz għad-deals kappriċċjużi ta’ bejniethom.
Il-pagament fenomenali partikolari li kien sar fl-2011 kien qajjem mistoqsijiet serji dwar il-falliment tal-proċess tad-due diligence f’Malta.