Għalkemm qatt ma kelli xi ħerqa kbira li nsir membru tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM), l-istqarrija li dan ħareġ illum biex “jikkundanna” lil oħt Daphne Caruana Galizia talli din żammet lil hekk imsejjaħ “ġurnalista tal-One TV” milli jaqdi dmiru, għandha tkun biżżejjed biex min għadu qed jaħsibha, jdabbar rasu minn dan l-Istitut mingħajr aktar dewmien. L-istqarrija tal-IĠM m’hi xejn ħlief att ta’ kollaborazzjoni ma’ reġim oppressiv.
Il-bniedem li semmew tal-IĠM m’huwiex ġurnalist. U l-One TV mhix agenzija tal-aħbarijiet. Dak il-bniedem hu biss impjegat tal-Partit Laburista, partit li jinsab fil-gvern li qed jagħmel minn kollox biex ifarfar mir-responsabbilta’ politika għall-assassinju ta’ ġurnalista – ġurnalista ta’ veru – li seħħ dan l-aħħar. U One TV hu għodda ta’ propaganda għall-gvern.
Dan il-bniedem, li dwaru l-IĠM illum għamlet ħafna plejtu, il-bieraħ ma kienx qed jaqdi dmirijiet ta’ ġurnalist. Kien biss aġent tal-istat u għamel użu minn tagħmir biex ikidd u jagħmel pressjoni fuq persuna li għal raġunijiet li huma ovvji – fit xhur ilu biss ħajjet oħtha intemmet f’vampa nar – kienet taħt stress emozzjonali kbir. M’hemmx dubju li l-intenzjoni krudili tagħhom kienet li jżidu fuq it-tensjoni li diġa’ kellha fuqha. U biex tkompli tiżdied il-pressjoni fuqha u fuq membri tal-familja tagħha, wħud mill-qaddejja tal-Partit Laburista li kienu preżenti l-bieraħ – uħud imħallsa u oħrajn li marru għax riedu – immiraw l-għajjat, ix-xiljiet u l-kliem intimidatorju u malafamanti tagħhom lejn familja li qed jingħad lilha li oħthom mietet “għax hekk kien ħaqqha”.
Huwa minn ewl id-dinja li dan l-aġir tal-mistħija ta’ dawn il-qaddejja qanqal l-emozzjoni u r-rabja tal-familja. U din l-emozzjoni u rabja qanqluha apposta bil-għan li l-udjenza tagħhom la tappoġġja u lanqas tissimpatizza magħhom. Kemm damet ħajja hekk kienu jagħmlulha lil Daphne Caruana Galizia: kienu jiffokaw il-kamera fuqha biex jipprovokaw reazzjoni, iqisuha ta’ “saħħara” u jikkonvinċu l-folla li kien ħaqqha l-mewt.
Agħtu ħarsa lejn il-persuna li hemm bil-wieqfa fuq il-lemin f’dan il-video.
Arawh jiffoka l-kamera fuq persuna li kienet biss qed tosserva. U minkejja li din ma tniffsitx, kellha toqgħod tissaporti tisma’ l-provokazzjonijiet tagħhom bħallikieku kellha xi tort għall-mewt ta’ oħtha. U sid il-kamera iffoka fuqha mhux għaliex dak li kien qed jagħmel kellu xi valur ġurnalistiku tafux, iżda biex jaqdi l-intenzjonijiet malinji ta’ min jimpjegah.
Imbagħad araw EŻATT x’ġara’ meta Helene Axiaq ikkonfrontat lil dan il-kesaħlu.
Dan l-aġir tal-“ġurnalisti tal-One TV” huwa wieħed tas-soltu. Wara kollox dawn imħallsin biex jintimidaw f’isem l-istat.
U tal-IĠM jagħtu l-appoġġ tagħhom għal dan l-aġir. Erba’ xhur ilu, il-ħajja ta’ ġurnalista ntemmet ħesrem u r-reazzjoni tagħhom kienet ħarira aktar drammatika mill-istqarrija tagħhom tal-lum li takkomoda l-vittimizzazzjoni mill-istat ta’ din il-familja mnikkta.
Il-liberta’ tal-kelma f’Malta jeħtieġ li tiġi mħarsa. U din għandha tiġi mħarsa mill-ġurnalisti ta’ veru.