Hija ħaġa mill-iktar frustranti meta tisma’ ċerti nies jammettu li għadhom ma jistgħux iħossuhom irrabjati għal kollox dwar il-korruzzjoni tal-gvern għax tant hemm kumplikazzjonijiet u tant xebgħu jisimgħu li diffiċli għalihom li jifhmu eżatt x’inhu jiġri.
Li Joseph Muscat jinsab fil-quċċata ta’ muntanja ta’ korruzzjoni hija ħaġa li hi ammessa minn numru dejjem joktor ta’ persuni. Daqs kemm huwa wkoll rikonoxxut minn dawn in-nies il-fatt li Keith Schembri u Konrad Mizzi m’humiex amministraturi pubbliċi iżda furbani.
Imma l-korruzzjoni li nkixfet s’issa ċertament ma tipparagunax fil-gravità tagħha ma’ dak li ħafna qed jirrealizzaw li ġara fil-każ tal-Vitals. Bosta huma dawk li fl-aħħar qed jintebħu b’realtà kerha. Bosta huma dawk li qed jifhmu l-iskop wara l-ftuħ ta’ kumpanniji sigrieti fil-Panama. Qegħdin jifhmu wkoll minn fejn kienu ġejjin dawk il-miljuni kollha f’depożiti li Schembri, Mizzi u s-sid tal-Egrant kienu wiegħdu lill-bankiera, kif jirriżulta iswed fl-abjad fil-Panama Papers.
U bosta huma dawk li qegħdin jifhmu li qegħdin iħallsu minn buthom għal dan it-taħwid kollu. Aqraw x’kitbet b’mod ċar u elokwenti Kristina Chetcuti biex tifhmu aħjar l-iskandlu tal-isptarijiet.
Minn hawn ‘il quddiem tibda’ tifhem li l-Vitals diġa’ tħallset 70 miljun ewro ta’ xejn. Nirrepeti: ta’ xejn. Biex inkomplu ngħaxxquha, issa l-Vitals ser ibiegħu it-tagħmir tal-isptarijiet li jiswa’ l-miljuni – tagħmir li kien inxtara’ bil-flus mit-taxxi tiegħek – wara li dan kien ingħatalhom b’xejn mill-gvern. Nirrepeti: b’xejn. Mhux talli mhux ser inkunu nafu dan it-tagħmir kemm ser ibiegħuh iżda lanqas m’aħna ser nirċievu ċenteżmu wieħed minn dak li nfaqna biex għaddejnih lil tal-Vitals biex huma jkunu f’pożizzjoni li jbiegħuh lil ħaddieħor.
Għat-30 sena li ġejjin, se nħallsuhom flus mit-taxxi tagħna biex ikunu jistgħu imexxu l-isptar ta’ Għawdex u l-Isptar Karin Grech. U għall-100 sena li ġejjin għat-tmexxija tal-Isptar San Luqa. Iżda meta jiskadu l-kuntratti tal-Isptar ta’ Għawdex u dak tal-Isptar Karin Grech, se nħallsuhom lura mit-taxxi tagħna l-kera kollha li jkunu ħallsu sa dak iż-żmien bl-imgħax. Dan ifisser li se nagħtuhom l-isptarijiet b’xejn. Nirrepeti: b’xejn.
Dawn il-ħlasijiet lil min ser isiru? Nafu min huma s-sidien ta’ 70% tal-Vitals. Iżda s-sidien tat-30% l-oħra ma nafux min huma għax isimhom inħeba. Jiġifieri ma nafux flusna għand min qed imorru. Iżda bil-mod il-mod qed nintebħu.
Esperti li kellmu lis-Sunday Times of Malta stqarrew li kemm ilhom fil-karrieri tagħhom għadhom qatt ma raw kuntratt imxaqleb lejn naħa waħda bħal dan. B’dan riedu jfissru li min innegozja għan-nom tal-gvern kien iktar moħħu li jħares l-interessi tal-parti opposta milli l-interessi tal-poplu Malti.
L-editorjal tas-Sunday Times of Malta iddeskriva dak li għamel il-gvern bl-isptarijiet “ġenn”. Il-gvern ma jista qatt ibellagħha li l-kuntratt li ffirma mal-Vitals kien fl-interess pubbliku. Dan kien kuntratt li sar apposta biex iħaxxen il-bwiet ta’ ftit nies – nies li wħud minnhom diġà smajna bihom u oħrajn li issa qed nissoponu min huma. U int qed tħallas għal dan kollu. Kollu.
Huma jistagħnew. U int tħallas. Mhux hekk biss: int tista’ timrad u ħadd m’hu se jdaħħal idu fil-but biex jipprovdi kura medika adegwata għalik, għal uliedek u għal ulied uliedek.
Dan m’hu xejn ħlief att kriminali kontra uliedek. Int kapaċi tħalliha għaddejja?