Din il-ġimgħa ktibt dwar rapport li sar minn entità Ewropea non-governattiva u li jittratta dwar il-kompliċità ta’ pajjiżi Ewropej f’sistema ta’ ġbir ta’ taxxi dinjija li qiegħda tisraq lill-foqra u tħaxxen bwiet is-sinjuri. Qed isir sforz biex tingħata bixra etika lil min jiskansa l-ħlas tat-taxxi u l-evażjoni tat-taxxa. U l-għoti ta’ din il-bixra m’hi xejn ħlief attentat biex tingħata leġittimità lil dawk is-sinjuri li bl-aġir tagħhom qed ikomplu jżidu mat-tbatija ta’ dawk in-nies li jistgħu jgawdu mill-ħlas tat-taxxi li huma dovuti.

Nistgħu nibqgħu ninjoraw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna sakemm jidhrilna, iżda mbagħad ma nistgħux nippretendu li d-dinja se toqgħod tarana ħelwin. Ktibt ukoll dwar rapport tal-OECD li ttratta dwar il-bejgħ tal-passaporti u li din l-iskema tfittex li tħajjar mhux biss lil min hu sinjur iżda lil ċertu kwalità speċifika ta’ sinjuri: jiġifieri dawk is-sinjuri li mhux biss qegħdin jaħbu ġidhom mill-gvern tagħhom biex jevadu l-ħlas tat-taxxi iżda probabbilment huma wkoll dawk li mhux suppost għandhom dak il-ġid f’idejhom.

Din il-ġimgħa l-Knisja Maltija xandret dokument li mhux biss jikkritika lil din ix-xejra iżda wkoll l-attitudni tagħna.

25 DOCUMENT WORLD DAY OF SOCIAL JUSTICE 2018 EN.

Bħal dak it-tifel żgħir li jkun irid jilbes il-qalziet twil biex jitqies raġel, nuru grazzja mas-sinjuri iżda l-foqra narawhom żejda. Lil min jixtri l-passaporti nagħtuh merħba filwaqt li lill-immigranti li jsibu ruħħom fostna mingħajr sold f’buthom, nuruhom snienna. L-ospitalità u l-ġenerożità tagħna tasal biss sal-benefiċċji li din tista’ takkwistalna: naraw biss x’se nieħdu lura għal dak li nagħtu.

L-immigranti li ma jistgħux jintbagħtu lura lejn pajjiżhom, inħalluhom imdendlin u imċaħħdin mid-dinjità bażika filwaqt li l-membri tal-oligarikiji inżommuhom fuq wiċċ l-idejn għax bwiethom ħoxnin. Politika li tiffavorixxi lil min hu sinjur a skapitu ta’ min qed jgħix fil-faqar hi waħda rigressiva u mhux demokratika. Hi politika li tixbaħ il-privileġġi fewdali li kissru dak li hu modern u razzjonali. M’hemmx xejn ħażin li wieħed ikun sid ta’ ristorant li jkun għali tant li mhux kulħadd ikun komdu jiekol fiħ. Iżda huwa ħażin ferm jekk ikunu jeżistu biss dan it-tip ta’ ristorant. Il-politika tagħna dwar iċ-ċittadinanza u l-għoti tad-drittijietna lil persuni li ma twildux hawn ma tagħti ebda importanza lill-ħtiġijiet tan-nies u moħħha biss fid-dħul ta’ flejjes li ħafna minnhom  ikunu tħallsu minn interessi privati li ma jkunu investew xejn fil-ġid li jkun qed jinbiegħ. Aħsbu naqra fil-qliegħ li għamlu Henley & Partners mill-bejgħ tal-passaporti. M’għandi xejn kontra minn jagħmel il-qliegħ.  Meta wieħed jinvestu flusu, hija ħaġa raġunata li jistenna li jaqla’ l-flus mill-investiment li jkun għamel. Iżda jeħtieġ li nżommu f’moħħna li l-investiment fin-nazzjon tagħna, fir-reputazzjoni tagħna u fi drittijietna anke bħala Ewropej kien sar minn ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin li batew taħt il-kolonjaliżmu, bil-gwerer, bil-faqar u bil-konflitti u li writna mingħandhom il-pajjiż li għandna llum.

Tkun ħaġa verament nobbli li kieku kellna naqsmu dan il-wirt ma’ immigranti li jkunu fil-bżonn. Iżda żgur mhix ħaġa sewwa meta dan il-wirt jinbiegħ biex Henley & Partners taghmel il-qliegħ minn fuq daharna.

Meta naqsmu l-wirt tagħna biss mas-sinjuri a skapitu tal-foqa inkunu qed nagħtu l-ġenb lill-imgħoddi tagħna bħala nazzjon: il-bdiewa, il-ħaddiema, is-sajjieda, is-suldati u l-emigrant li kienu telqu minn xtutna, kienu għamlu hekk mhux għax kienu sinjuri iżda għax kienu fqar.