L-Abwehrmechanismen klassiku biex nirrazzjonalizzaw il-kritika internazzjonali għall-kleptokrazija f’Malta huwa li “l-barranin li jikkritikawna, qed jgħiru għalina”.

Min ma jridx ikollu lil Joseph Muscat bħala l-Prim Ministru jekk fost il-bqija dan iroddlu tkabbir ekonomiku mingħajr interruzzjoni, taxxi baxxi u surplus fil-baġit?

Tidher biċċa affari tajba, imma lil hinn mill-apparenza ssib li jekk timita dak li qed jiġri f’Malta tkun qisek qed titlob parir dwar in-negozju lil Tony Montana. Meta tagħmel il-flus minn affari maħmuġa wara l-oħra, assolutament m’għandekx pjan li se jibqa’ jaħdem fit-tul.

L-Intelligence Unit ta’ The Economist qed tbassar ġejjieni inċert għall-investiment jekk joħorġu iktar dettalji dwar il-korruzzjoni. U hekk hu mistenni, li dawn ikomplu joħorġu.

Ġurnalist li żar Malta, f’website Skoċċiża li tappoġġja l-indipendenza kiteb għaliex Skozja indipendenti trid iżżomm sew ’il bogħod mill-mudell Malti.

George Kerevan jiddeskriviha hekk lil Malta: “l-istat indipendenti, b’ekonomija b’saħħitha, li MA RRIDUX nimitaw”.

“Joseph Muscat qed jikkultiva tigra ekonomika li faċli ddur u tibilgħu. Għall-Iskoċċiżi li jixtiequ l-indipendenza, il-mudell Malti ta’ free enterprise paradise mhux it-triq li għandna nsewgu.”

Il-bqija tal-artiklu li deher fil-gazzetta Skoċċiża li tappoġġja l-indipendenza, The National, issibu hawn.

Innutaw li wieħed mil-kummentaturi li ħallew il-feedback għall-powst qal li għalih Malta tfakkru f’tip ta’ “Tory paradise”. Dan mhux kumpliment. Huwa ħolma kerha minn dawk ta’ Bosch. “Say hello to my little friend”.