Kemm ilu li spiċċa mill-FIAU, Manfred Galdes ma tkellimx ħafna pubblikament. Huwa kien irriżenja meta kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet fuq Konrad Mizzi u qatt ma kien spjega r-raġuni ‘l għala kien għażel li jaħdem fis-settur privat. B’mod speċjali r-raġuni għaliex kien għamel dan f’dak iż-żmien patikolari.
Illum tkellem f’konferenza fl-istess kamra ma’ Ian Abdilla.
Lill-udjenza li kellu quddiemu Ian Abdilla qalilha li l-pulizija jinvestigaw ir-rapporti kollha li jirċievu dwar ħasil ta’ flus maħmuġin. Iżda niftakru li mhux hekk kien stqarr Lawrence Cutajar fuq mistoqsija li kienet saritlu mill-Ewroparlamentari. Il-Kummissarju tal-Pulizija kien ġie rappurtat li qalilhom li l-pulizija tiċċaqlaq biss kemm il-darba jkollhom f’idejhom provi konklużivi.
Mingħajr ma kien ssemma’ u, mhedded kif kien minn Manwel Mallia u oħrajn bil-ħabs li kieku kellu jitniffes dwar dak li jaf, Manfred Galdes ma daħalx f’dettalji.
Iżda dak li stqarr huwa ċar biżżejjed. Huwa tkellem dwar il-liġijiet tal-pajjiż li għal għexieren ta’ snin baqgħu biss fuq il-karta. Tkellem ukoll dwar il-prokrastinazzjoni fl-investigazzjonijiet li rebbħet iż-żmien lil dawk suspettati biex jaħbu flushom. Semma’ wkoll il-proċeduri primittivi ta’ għassa man-nies meta dawn jonqsu li jispjegaw dwar kif wasal għandhom ċertu ġid.
Fi ftit kliem, tħaddet dwar il-kultura ta’ impunità li qiegħda tippermetti lill-kriminali li jaħbu ġid ġej mill-attività kriminali tagħhom. U tkellem ukoll dwar l-immaġni li qed niksbu f’għajnejn id-dinja.
Fuq medda ta’ 25 sena kien irnexxielna nibnu reputazzjoni tajba ta’ ċentru nadif tas-servizzi finanzjarji. Id-dinja issa qed tħares lejna bħala ċorma ta’ ħallelin.
Il-verità hi li Manfred Galdes ma qal xejn li ma konniex diġà nafuħ. Iżda l-fatt li stqarr dak li stqarr huwa sinjifikanti.
Daqs kemm kienet ukoll sinjifikanti l-istorja li rrakkonta dwar dak li kien ġara’ fl-Irlanda wara li ġurnalista li kienet qed tinvestiga l-kriminalità fil-qasam finanzjarju, spiċċat inqatlet permezz ta’ karrozza bomba. Delitt li kien xpruna lill-gvern Irlandiż biex jibdel il-liġijiet tal-pajjiż u jtejjeb is-sistemi tiegħu sabiex jiħonqu r-reati li kienet qed tinvestiga din il-ġurnalista.
Kien qed jirreferi hawn għal Veronica Guerin li kienet ġiet assassinata fl-1996. Fl-Irlanda l-Prim Ministru John Bruton kien sejjaħ lil dan il-qtil atroċi bħala “attakk fuq id-demokrazija” u l-gvern kien intebaħ li seta’ juża l-liġijiet dwar l-infurzar tat-taxxi bħala deterrent kontra l-kriminali. U biss ftit jiem wara l-qtil, il-gvern tal-Irlanda għadda liġijiet li bis-saħħa tagħhom seta’ jissekwestra kull ġid akkwistat bi flus maħmuġin filwaqt li tniediet il-Criminal Assets Bureau.
Dik hi t-tifsira vera tal-ġustizzja. il-qattiela ta’ Veronica Guerin inqabdu u ġew proċessati. Iżda wara mewtha, l-Irlanda ħadet ħsieb immedjat biex tibdel il-liġijiet sabiex il-kriminalità li investigat din il-ġurnalista tiġi megħluba.
U hawn Malta? Il-prim ministru jlebbet ‘il barra lejn id-Dubaj biex ibiegħ il-passaporti lill-evażuri tat-taxxa filwaqt li s-segwaċi tiegħu iqiegħdu l-fjuri biex ifakkru lil Dom Mintoff.
U mbagħad għandhom il-wiċċ igħajruna tradituri.