Adrian Delia illum mar il-Qorti u talab it-tħassir tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Strettament qed jitlob it-tħassir tal-konċessjoni ta’ art pubblika. Bil-liġi, kull membru parlamentari jista’ jirrikorri għall-Qorti biex jingħata rimedju jekk l-art pubblika konċessa jirriżulta li m’hix tintuża skond il-kundizzjonijiet tal-konċessjoni kif mfassla mill-Parlament.

Tajjeb.

L-oppożizzjoni qiegħda tagħmel dak li messu għamel il-gvern minn jeddu: jiġifieri malli ntebaħ li, fl-isfond tal-falliment finanzjarju tal-Vitals, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt li kien sar magħhom ma kinux ġew attwati, messu irtira mill-ftehim. U mbagħad – jekk dan verament ikun meħtieġ –  jibda’ mill-ġdid.

L-oppożizzjoni, permezz tal-kawża li fetħet, ma tistax treġġa’ lura l-privatizzazzjoni għax din hija l-politika tal-gvern. Il-Parlament biss għandu s-setgħa li jiddiskuti dwar jekk l-isptarijiet għandhomx jiġu privatizzati jew le. U naturalment l-oppożizzjoni, ikollha kemm ikollha raġun, ma tistax ħlief titlef vot parlamentari.

Iżda l-kawża li saret tista’ turi li, filwaqt li l-gvern qagħad għall-kundizzjonijiet tal-kuntratt, il-Vitals naqset li twettaq dak li kienet intrabtet li twettaq. L-isptarijiet ġodda li wiegħdet li tipprovdi kienu biss kastelli fl-arja.

Mir-rapport tat-Times of Malta: “Dr Delia seħaq li dan il-ftehim skandaluż kien sar apposta biex ifalli u staqsa min huma dawk li se jgawdu mill-falliment tal-Vitals”. Delia hawn għandu raġun

Iżda hemm kelma adatta biex tiddeskrivi dan kollu. U din il-kelma hi “korruzzjoni”. Sa fejn naf jien, Delia ma lissinx din il-kelma llum. Lanqas ma wżaha fit-tweet li għamel il-bieraħ fejn ħabbar il-kawża li kien bi ħsiebu jiftaħ fil-Qorti.

Għada se mmorru l-Qorti biex inwaqqfu dan it-tberbiq u biex nagħtu l-isptarijiet lura lill-poplu. Ejjew nagħtu lura lil Malta sistema ta’ saħħa nazzjonali li jistħoqqilha.

Nammira ħafna l-użu tal-kelma “squander” bħala nom. Iżda jidher li dan sar biss bħala sforz biex tinstab kelma oħra għall-kelma li verament tixraq fiċ-ċirkostanzi. U din il-kelma m’hi xejn ħlief il-kelma ‘korruzzjoni”. Ir-riżultat kien li dak li qal Delia instema’ dgħajjef u skorrett.

Dak li tkun qed tara ċar quddiemek għandek isejjaħlu b’ismu. B’hekk biss tista’ tiġġildilha ‘l korruzzjoni.